Raġel ta’ 30 sena mir-Repubblika ta’ Cabo Verde u residenti l-Imsida, baqa’ jiżamm arrestat wara li fil-Qorti t’Għawdex wieġeb ħati, li wettaq diversi każijiet ta’ serq u attentat ta’ serq.
Il-prosekuzzjoni spjegat kif stħarriġ intensiv li sar mill-Pulizija wassal biex l-allegat ħalliel ġie identifikat u arrestat b’rabta ma’ żewġ serqiet minn banka tal-lottu fl-Imsida li seħħew f’Novembru 2023 u Jannar 2024. Huwa ġie akkużat ukoll li f’Jannar li għadda pprova jisraq minn pompa tal-fjuwil u uffiċju fl-Imsida stess.
Quddiem il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Simone Grech l-akkużat ammetta wkoll kif f’Diċembru 2023 huwa wettaq serqa minn banka tal-lottu fl-Iklin, kif ukoll seraq minn pompa tal-fjuwil fix-Xewkija, Għawdex u f’nofs ix-xahar li għadda huwa wettaq serqa oħra fix-Xewkija minn ħanut taż-żebgħa.
Ir-raġel kien akkużat ukoll li wettaq ħsarat fil-postijiet fejn wettaq is-serqiet, kif ukoll li laqa’ għandu diversi oġġetti misruqa.
Is-sentenza mistennija tingħata aktar tard dan ix-xahar.