Rion Azzopardi li għandu tnejn u tletin sena ngħata sentenza sospiża wara li ttella’ l-Qorti mixli li ta fastidju lill-eks sieħba tiegħu u li uża kliem ta’ tgħajjir fil-konfront tagħha.
Hu kien akkużat ukoll li għamel użu ħażin minn apparat elettroniku. Azzopardi wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Fil-Qorti l-ispettur Eman Hayman spjega li l-każ tqanqal fuq kwistjoni ta’ aċċess tal-minuri tal-koppja. Hu qal ukoll li ma kienx hemm sinjali ta’ abbuż fiżiku.
Il-Qorti ppresedutha mill-Maġistrat Doreen Clarke kkundannatu għal sitt xhur priġunerija sospiżi għal sentejn, ordnatu jħallas multa ta’ ħames mitt ewro u imponiet ordni ta’ trażżin għall-protezzjoni tal-eks sieħba tiegħu.