Omar Calleja ta’ tnejn u tletin sena mill-Għargħur baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li wettaq numru ta’ serqiet minn vetturi f’Ħal Qormi u Raħal Ġdid.
Huwa wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
L-allegat serqiet saru bejn is-sitta u s-sbatax ta’ Ġunju li għadda, fejn mill-vetturi nsterqu għodda, dokumenti u flus, kif ukoll saret ħsara fuq l-istess vetturi.
Quddiem il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit intqal li wara bosta investigazzjonijiet illi saru, ir-raġel ġie akkużat ukoll li wettaq serqa minn uffiċċju f’Ħal Luqa.
Ir-raġel ġie arrestat waqt li l-Pulizija tad-Distrett ta’ Ħal Qormi kienu qegħdin jissorveljaw persuna suspettuża fil-viċinanzi ta’ Triq l-Iljun, Ħal Qormi, hekk kif allegatament kien se jipprova jisraq minn xi vetturi.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Roderick Agius u Sarah Kathleen Zerafa.
Is-sentenza se tingħatalu nhar it-Tnejn fid-9.30am.