Theophilus Nwadike, li għandu disgħa u tletin sena ngħata sentenza ta’ tmien snin ħabs u multa ta’ ħamsa u għoxrin elf ewro wara li wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih biex jevita ġuri.
Quddiem l-Imħallef Giovanni Grixti, in-Niġerjan ittella’ l-qorti mixli li għaxar snin ilu kien parti minn kumplott biex jiġi importat u traffikat aktar minn kilo droga eroina.
Fil-Qorti ħareġ li d-droga kienet se tiġi importata moħbija ġo par żarbun li kien se jintlibes minn Spanjol.
L-ispanjol kellu jgħaddi għaż-żarbun f’Amsterdam u minn hemm qabad it-triq lejn Malta b’elf, mija u tmienja u għoxrin gramma eroina li tiswa aktar minn ħamsin elf ewro.
Nwadike flimkien ma’ persuna oħra kienu arrestati fejn Nwadike nstab li kellu fuqu elfejn ewro biex iħallas lill-Ispanjol.