Żewġ Rumeni, li nqabdu jisirqu fil-fatt mill-Pulizija fi Triq it-Torri f’Tas-Sliema, wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom fil-Qorti.
Il-każ seħħ nhar il-Ġimgħa meta r-Rumeni, Sorin Pletosu ta’ ħamsa u tletin sena u Ghete Vlaerian-Gavrin ta’ wieħed u erbgħin sena ppruvaw jisirqu l-kartiera minn but ta’ turist li kien tiela fil-karozza tal-linja. Intant huma diġà kienu qed jiġu segwiti mill-Pulizija, li rnexxielhom jaqbduhom fil-fatt.
It-talba għall-ħelsien mill-arrest ġiet miċħuda, wara li l-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Mark Mercieca argumentat li r-rumeni jagħmlu parti minn grupp kriminali f’Malta u jinsabu mingħajr indirizz fiss, u allura hemm riskju ikbar li dawn jaħarbu.
L-Ispettur Mercieca argumenta li l-akkużati huma magħrufin mal-Pulizija f’għadd ta’ pajjiżi Ewropej, fejn wieħed minnhom saħansitra ħarab minn pajjiż waqt li kellu fuq rasu akkużi kriminali.