L-inkwiet u l-inċertezza li hemm fil-Partit Nazzjonalista qiegħed iwassal sabiex esponenti Nazzjonalisti jitkellmu mal-midja u juru t-tħassib tagħhom. Fost dawn hemm il-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut, li ma’ Newsbook qal li ma jaħsibx li Kap ta’ Partit għandu jibgħat messaġġ ta’ gwerra lill-membri tiegħu.
Dan b’referenza għal messaġġ li Adrian Delia bagħat it-Tnejn filgħodu, lill-membri tal-kunsill amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista. Messaġġ li fih, Delia ddikjara gwerra u qal li lest għal kull konfrontazzjoni ma’ dawk li sejjaħ bħala tradituri fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
B’Mark Anthony Sammut kien wieħed minn dawk il-persuni li rċieva dan il-messaġġ minn Delia. Id-dikjarazzjoni tal-President tal-Eżekuttiv kienet waħda mhux mistennija u ħolqot aktar paniku fid-Dar Ċentrali. Dan għax Sammut huwa fdat u meqjus bħala wieħed minn ftit esponenti qrib Delia.
F’kummenti lil Newsbook, Mark Anthony Sammut qal li wara dan l-aħħar zvilupp qiegħed jistenna sabiex Adrian Delia jsejjaħ laqgħa u jiltaqa’ mqar mal-amministrazzjoni tal-Partit. Dan għaliex “l-affarijiet għandhom jiġu diskussa u mhux jiġu injorati u ma nagħtux kas ir-realtà
Aktar minn hekk, il-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista qal li talab laqgħa lis-segretarju ġenerali biex jaraw hux se jittieħdu xi deċiżjonijiet. Il-ħsus li hemm fost il-membri tal-Partit, mhumiex sbiħ, iddikjara b’mod ċar Mark Anthony Sammut, li qal li “tinħass li hemm ċertu dimotivazzjoni”.
Ma kienx biss Mark Sammut li tkellem pubblikament, imma wkoll il-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista David Stellini. Huwa kompla ma’ dak li qal Sammut u qal li jinsab inkwetat ħafna. Stellini kompla jżid li l-affarijiet fil-Partit Nazzjonalista sejrien għall-agħar. Bil-Partit Nazzjonalista għandu bzonn ikun partit magħqud:
“Id-diviżjoni fil-partit qed tikber u mhux qed tonqos. L-ewwel ħaġa li hemm bżonn huwa partit magħqud. Mexxej wieħed b’partit kollu warajh. L-għaqda mhux biss mhux qiegħda hemm imma l-affarijiet sejrin għall-agħar”.
Sorsi fil-Partit Nazzjonalista tkellmu wkoll ma’ The Malta Independent dwar dak li qiegħed jiġri fil-Partit. Sors b’għeruq fondi fil-Partit Nazzjonalista, qal lill-Independent li numru ta’ Deputati Nazzjonalisti qalu lil Adrian Delia li l-pożizzjoni tiegħu fil-Partit Nazzjonalista m’għadhiex tenibbli.
B’Adrian Delia wieġeb li mhux se jiċċaqlaq mill-kariga. Sorsi fil-Partit Nazzjonalista li tkellmu ma ONE News, qalulna li deputati mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil wieġbu lil Delia għall-messaġġ ta’ gwerra.
“If you want war, you will get it” wieġbuh deputati mill-fazzjoni ta’ Busuttil li se jagħtu gwerra lura lil Delia.
Intant, sors ieħor fil-Partit Nazzjonalista qal lil The Malta Independent li hemm nies fil-Kunsill Amministrattiv li ukoll jemmnu li l-pozizzjoni ta’ Adrian Delia fil-Partit Nazzjonalista m’għadhiex tennibli. L-stess sors qal li anki n-nies li appoġġjaw lil Adrian Delia fit-tellieqa għall-kap, qegħdin jiddubitaw minnu.