Leon Lee Zammit ta’ 21 sena li joqgħod Ħal Lija u ġuvni li ismu ma jistax jissemma fuq ordni tal-Qorti ngħataw il-libertà kundizzjonata wara li ammettew li serqu appliances minn djar li kienu għad se jibdew jgħixu n-nies fihom. Is-serqiet seħħew f’Ottubru li għadda.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li bejn is-6 u t-13 ta’ Ottubru tal-2020 l-pulizija kienet infurmata b’numru ta’ serq ta’ appliances f’residenzi vakati fl-akwati tal-Mosta u l-Imġarr. Ġie spjegat kif f’serqa minnhom sabu l-impronti diġitali fi flat fl-Imġarr ta’ Leon Lee Zammit. Dak iż-żmien kienu jafu li Lee Zammit kien qed jagħmilha mal-akkużat l-ieħor u wara iktar investigazzjoni sabu li l-imputat l-ieħor wkoll kien preżenti fl-appartament fejn saret is-serqa. Il-pulizija spjegat kif sussegwentament iż-żewġ imputati ġew arrestati u t-tnejn li huma kkoperaw mal-pulizija u infurmawhom b’serqa oħra li l-pulizija kienet għadha mhux mgħarrfa biha. Il-Prosekuzzjoni spjegat kif l-akkużati indikawlhom ukoll fejn wieħed seta’ jsib l-oġġetti misruqa u fejn dawn setgħu nbiegħu.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li apparti l-ammissjoni tagħhom, l-akkużati kellhom numru ta’ messaġġi fuq Facebook li juru l-bejgħ ta’ dawn l-oġġetti u messsaġġi bejniethom ta’ kif ser ibiegħu l-oġġetti misruqa.
Id-Difiża spjegat kif huma jixtiequ jwieġbu ħatja u jagħmlu t-talba għall-ħelsien mill-arrest. Dan filwaqt li jixtiequ li jkollhom superviżjoni sabiex ikunu mgħejjuna jegħlbu l-vizzju tad-droga.
Il-Qorti nnotat madankollu li l-akkużati diġà kienu fuq probation minħabba reati oħra. L-Ispettur spjega kif kien hemm fażi f’ħajjet l-akkużati fejn dawn “qalbu d-dinja”. L-akkużati spjegaw kif wieħed jaħdem bħala mekkanik u l-ieħor bħala technician.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit indirizzat lill-akkużati b’mod dirett u spjegatilhom kif iridu jibdew jaqilgħu l-għixien tagħhom b’mod legali u mhux jisirqu koppji li jkunu għadhom qed jibnu familthom ġo dar ġdida u jispiċċaw jaraw is-sagrifiċċji li jkunu għamlu biex imlew id-dar jisfaxxaw fix-xejn.
It-tnejn wieġbu ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom. Id-Difiża spjegat li huma disposti li joqogħdu għall-kundizzjonijiet kollha imposti fuqhom mill-Qorti, inkluż dik ta’ ‘bail supervision’.
Il-Maġistrat uriet ix-xewqa wkoll li tagħmel ordni ta’ trattament sabiex l-akkużati ikollhom psikologu assenjat lilhom. Il-Prosekuzzjoni spjegat kif fl-aħħar ftit ġimgħat jidher li t-tnejn urew ix-xewqa li jirritornaw lura fit-triq it-tajba. Qalu li għandhom bżonn lil xi ħadd li jiggwidahom.
Il-Qorti tatom il-ħelsien mill-arrest b’numru ta’ kundizzjonijiet fosthom li ma jkellmux lix-xhieda tal-prosekuzzjoni, ma jwettqux reat ieħor, jiffirmaw fl-għassa darbtejn fil-ġimgħa u jkunu ġewwa darhom bejn 12:00am u l-5:00am.
Dan fuq depożitu ta’ €800 kull wieħed u garanzija personali ta’ €10,000. Il-Qorti għamlet ukoll ordni ta’ trattament psikoloġiku u ordni ta’ probation.
Il-Qorti ordnat divjett fuq isem wieħed mill-akkużati minħabba li meta wettaq ir-reat huwa kien għadu minorenni.