Libjan u żewġ Franċiżi ammettaw li fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għamlu dikjarazzjoni falza u li ffalsifikaw dokument.
Fil-Qorti ngħad li l-imputati kollha ppreżentaw testijiet foloz tal-Covid-19.
L-Avukat tal-għajnuna legali Joe Brincat f’isem iż-żewġ Franċiżi saħaq li dan l-att ma kien xejn għajr bluha taż-żgoħżija meta ppreżentaw test tal-Covid-19 falz waqt li ppruvaw jitilqu minn Malta.
Fil-fatt huma wieġbu ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom u ngħataw sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.
Dan filwaqt li f’każ separat, raġel Libjan li ismu ma jistax jixxandar b’ordni tal-Qorti, wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Fil-Qorti ntqal li r-raġel ikkopera bi sħiħ mal-pulizija u saħansitra mar oltre minn dak li kien mistenni minnu.
L-Avukat tad-Difiża Charles Mercieca spjega li r-raġel wasal Malta b’test tal-Covid-19 veritier u li dan ir-reat seħħ waqt li kien qed jipprova jitlaq minn Malta.
L-imputat ngħata libertà kkundizzjonata għal sentejn.