Stħarriġ tal-fehma pubblika fl-aħħar jiem kompla jżid il-firda u t-tensjoni fil-Partit Nazzjonalista b’għadd ta’ deputati u attivisti Nazzjonalista spiċċaw iwaħħlu f’xulxin għas-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista.
Mistoqsi mill-ġurnalist tal-Malta Today jekk Adrian Delia hux idoneu li jibqa’ fit-tmun tal-partit, id-Deputat Nazzjonalista Herman Schiavone għamilha ċara li s-sitwazzjoni hija responsabbiltà tal-grupp parlamentari kollu b’mod partikolari dawk li baqgħu jagħmlulu l-ostakli.
Sciavone stqarr: “ Naħseb ikun żball hekk mhux il-Grupp Parlamentari kollu u kull attivist fil-Partit nazzjonalista u kull min għandu għal qalbu l-Partit ma jerfax ir-responsabbiltà.”
Mistoqsi dwar is-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia wera ruħu mhux kuntent bl-impenn tad-deputati tiegħu. Delia wieġeb: “u allura l-commitment ta’ dawk li huma fil-PN irid jiżdied, irid jikber.”
Huwa waħħal ukoll fin-nies għax qal li mhux jifhmu l-messaġġ li qed jibgħatilhom. Hu sostna: “Mhux qed jinftiehem.”
Il-Kap Nazzjonalista li għandu bosta allegazzjonijiet serji fuq rasu fosthom dawk ta’ ħasil ta’ flus li ġejjin mill-prostituzzjoni qal li l-politiċi jridu jerfgħu r-responsabbiltà. Delia tenna: “Fil-politika r-responsabbiltà trid tinġarr meta jkun hemm xi ħaġa li tkun saret barra minn lokha, unethical illegali, hi x’inhi.”
Madankollu meta mistoqsi, Delia qal li mhux se jitgħabba bir-responsabbiltà għall-qagħda fil-Partit Nazzjonalista. Ir-risposta ta’ Delia kienet: “Mhux kwistjoni le ta’ riżenja.”
Saħansitra qal li huwa jitkellem b’kumdita dwar ir-riżenji: “Jiena nitkellem fuq ir-riżenji b’kumdità għax jekk meta tlabt li jkun hemm riżenja politika u kien hemm okkażjoni fejn il-Partit talab għar-riżenji ma jkunx sew imbagħad li bniedem ma japplikax l-istess kejl għalih innifsu.”
Mistoqsi jekk Delia hux kap denju tal-Partit Nazzjonalista, id-Deputat Għawdxi Kevin Cutajar magħruf għall-appoġġ li dejjem ta lill-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil wieġeb hekk.
Meta kien mistoqsi: “Għadek temmen li Adrian Delia huwa l-Kap denju tal-PN?”. Cutajar wieġeb: “Jiena nemmen fil-PN.”