Raġel ta’ 61 sena mill-Ħamrun instab ħati li sentejn ilu weġġa’ ħafif lil martu u lil binthom wara argument.
Fil-Qorti nstema’ kif meta seħħ il-każ, il-familja kienet għaddejja minn proċeduri ta’ separazzjoni. Intqal kif ir-raġel għadda kumment lil bintu fejn qalilha li “nisa bħalek ħaqqhom min iħanxarhom”.
Hekk kif kien għaddej dan kollu, il-mara ġibdet il-kelb tal-familja, sabiex tipproteġih mid-daqqiet li seta’ jtih ir-raġel tagħha.
Sabiex tagħmel dan, il-mara spiċċat bi tbenġil f’darha kkaġunati mis-swat li qalgħet mingħand ir-raġel tagħha.
L-imputat caħad li refa’ idejh fuq martu u bintu u qal li l-ġrif u t-tbenġil li kellha fuq darha kien għamilhom il-kelb.
Il-Maġistrat Nadine Lia qalet li l-akkużat qed jiprova jitfa’ r-responsabbilità tiegħu fuq kelb ta’ razza żgħira u nnotat wkoll li l-akkużat qatt ma wera dispjaċir għal dak li huwa allegatament għamel.
Il-Maġistrat ordnat li r-raġel jiġi trattat għall-perjodu ta’ sena għar-rabja li għandu u jinżamm taħt probation għal sena oħra taħt penali ta’ elf ewro.