Bernard Grech spiċċa jwaħħal fil-ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista li urew l-għadab tagħhom fuq l-aħbar li Christian Peregin tal-LovinMalta ser jidħol jaħdem mal-partit u jmexxi l-kampanja tal-Kap.
Dan għamlu waqt attività politika fil-Qrendi bħala parti mill-Kunsill Ġenerali, fl-istess jum li ONE News żvela li kellha ssir laqgħa urġenti mal-ħaddiema tal-media.link u tal-Partit, li bdew jipprotestaw u jheddu li ser jitilqu jew jieqfu jaħdmu jekk ma jarawx il-Kap u jkellmuh wara l-ingaġġ ta’ Peregin.
Għalkemm Christian Peregin huwa l-istess persuna li beda kawża biex jagħlaq l-istazzjonijiet politiċi, fosthom dak tal-Partit Nazzjonalista u għalhekk ried jitfa’ lill-ħaddiema tal-Partit ’il barra bla xogħol, Bernard Grech appellalhom biex ma jiġġudikawhx.
L-istess Grech li saħaq kif iż-żgħażagħ jinteressahom biss mill-kannabis, issa kien mistoqsi dwar kif ser ikun qed jagħmel l-ispazju għaż-żgħażagħ fil-Partit.
Madankollu liż-żagħżugħa li stqaqsietu qalilha li ma jistax jiggarantilha l-ispazju iżda li trid tkun hi biex tiġġieled forsi ssib l-ispazju fil-partit.
Dan bħal messaġġ li kien bagħat lil min telaq il-Partit Nazzjonalista u talabhom jirrijabilitaw ruħhom jekk jaħsbu li għandhom jidħlu lura fil-partit.
Fis-siegħa li għamel jippriedka u jdur bil-wieqfa f’nofs il-pjazza tal-Qrendi huwa spiċċa ammetta li mhux dejjem ikun jaf x’inhu għaddej fil-Partit li suppost qed imexxi.