Tlett irġiel ġew arrestati wara li attakkaw tliet ħaddiema fuq ambulanza tal-emerġenza tal-Isptar Mater Dei waqt li kienu qed jaqdu dmirijiethom.
Tliet ħaddiema fuq ambulanza tal-emerġenza tal-isptar Mater Dei ġew attakkati waqt il-qadi ta’ dmirijiethom fi stabbiliment tad-divertiment taħt is-Saqqajja fir-Rabat.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-erbgħa tas-Sibt filgħod fi stabbiliment tad-divertiment taħt is-Saqqajja fir-Rabat.
Kien mal-wasla tal-ekwipaġġ fl-istabbiliment li żewġt irġiel li kellhom argument ħebbew għalihom u raġel minnhom ta daqqa ta’ ponn f’wiċċ l-infermier.
Immedjatament fuq il-post issejħet l-assistenza tal-Pulizija mis-sezzjoni tar-Rapid Intervention Unit iżda sakemm laħqu waslu l-Pulizija l-irġiel waddbu ammont ta’ ġebel lejn l-ambulanza bil-konsegwenza li sofriet xi ħsarat.
L-irġiel ġew arrestati fuq il-post iżda bħalissa jinsabu bil-Police Bail fejn fis-sigħat li ġejjin mistennija jitressqu l-Qorti akkużati li ħebbew għal uffiċjal pubbliku, kisru l-paċi pubblika u li kkawżaw danni fuq proprjetà tal-Gvern.