Meta kien qed jindirizza attività politika fil-Birgu, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ħeġġeġ sabiex fit-8 ta’ Ġunju il-poplu jivvota għall-prinċipji sodi li nħaddnu bħala pajjiż progressiv, vot kontra l-gwerer, l-awsterità u l-firda, u vot b’saħħtu favur il-paċi.
Dr Abela semma kif l-establishment uża l-għodod kollha biex ineħħi l-attenzjoni tal-poplu minn fuq l-elezzjoni. “Dan għamluh b’għan wieħed, li jwaqqfuni milli nitkellem magħkom fuq il-pjan tagħna għal pajjiżna. Imma ma rnexxielhomx għax kont magħkom kull jum, nisma’, nifhem, nispjega u niddiskuti. Kellimtkom fuq il-pjan ċar li għandna biex immexxu l-interessi ta’ Malta fl-Ewropa u fuq pjan għal kull lokalità f’Għawdex u Malta,” saħaq Dr Abela.
Il-Prim Ministru sostna kif il-Partit Laburista ressaq quddiem il-poplu tim qawwi ta’ 9 kandidati għall-Parlament Ewropew u 381 kandidat għall-kunsilli lokali. “Dik l-enerġija li għandu dan il-partit. Quddiem l-apatija li wera ħaddieħor, aħna urejna dinamiżmu u ideat,” saħaq Dr Abela.
Huwa semma kif din l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew hija importanti hekk kif madwar l-Ewropa hemm mewġa ta’ appoġġ għall-populisti u l-lemin estrem. Saħaq li pajjiż progressiv bħal tagħna għandu jirreżisti din il-mewġa. Ħeġġeġ sabiex il-poplu jivvota kontra l-politika tal-awsterità li qed jimbuttaw il-partiti tal-Lemin Ewropew li jridu li jonfqu anqas fuq servizzi soċjali u fuq servizzi essenzjali, biex il-flus imorru lejn l-industrija tal-gwerer.
“Aħna konna, għadna u se nibqgħu nkunu l-Gvern tagħkom. Għandna pjan ta’ Gvern li intom ivvutajtu għalih, emmintu fih sentejn ilu u nemmen li għadkom temmnu fih bis-saħħa. Erġgħu kunu warajja, bikom warajja lili ma jwaqqafni xejn. Kemm fadlilna x’niksbu flimkien għal pajjiżna, għal uliedna. Erġgħu isilfuni l-fiduċja tagħkom. Is-saħħa f’idejkom,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.