Malta Public Transport qed tniedi t-tmien edizzjoni tagħha ta’ Tallinja għal L-Istrina nhar is-Sibt, 21 ta’ Diċembru 2024, b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-President. Din l-inizjattiva annwali tiġbor fondi għall-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF).
L-E.T. il-President Myriam Spiteri Debono esprimiet l-apprezzament tagħha għal din l-inizjattiva, li fissritha bħala parti important minn ħolqa ta’ attivitajiet b’risq L-Istrina, biex bil-fondi li jinġabru jiġu megħjuna dawk fil-bżonn.
Felipe Cosmen, Chairman ta’ Malta Public Transport, qal, “Qed inħeġġu lil kulħadd biex fit-21 ta’ Diċembru jużaw s-servizzi tagħna biex jgħinu fil-ġbir ta’ fondi b’risq L-Istrina. Dan huwa mod sempliċi biex tagħmel differenza matul dal-istaġun tal-festi.”
Għal kull vjaġġ li jagħmlu l-passiġġieri dakinhar, inkluż dawk il-vjaġġi li jaqgħu taħt l-iskema tat-trasport b’xejn, Malta Public Transport se tkun qed tagħti donazzjoni lill-MCCFF. Fi kliem sempliċi, iktar ma n-nies jivvjaġġaw bil-karozza tal-linja dakinhar, aktar se jinġabru fondi biex isostnu din il-kawża nobbli.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, li ilha ssir sa mill-2016, Malta Public Transport ikkontribwixxiet ‘l fuq minn €284,000 lill-MCCFF.