Kull min kien ikkwalifikat biex ikun reġistrat bħala votant fil-31 ta’ Marzu, 2021, huwa importanti li jivverifika d-dettalji li jidhru fir-reġistru elettorali rivedut ippubblikat fit-30 ta’ April, 2021.
Fakkret dan il-Kummissjoni Elettorali fejn spjegat kif dawk il-persuni li saru ċittadini ta’ Malta b’naturalizzazzjoni jew b’reġistrazzjoni u dawk li għandhom ċertifikat ta’ ċittadinanza doppja għandhom id-dritt ikunu reġistrati bħala votanti f’dan ir-reġistru jekk, fil-31 ta’ Marzu, 2021, kellhom il-kwalifiki meħtieġa skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta u skont l-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali. Għalhekk, dawn il-persuni huma mħeġġa jivverifikaw li jidhru bħala votanti fl-imsemmi reġistru.
Min ma ġiex inkluż f’dan ir-reġistru, avolja ma jkunx għamel applikazzjoni qabel lill-Kummissjoni Elettorali għal dan l-għan, jew li xi partikolaritajiet tiegħu kif jidhru fir-Reġistru jeħtieġu korrezzjoni, jista’ jippreżenta appell lill-uffiċjal reviżur sa nhar il-Ġimgħa l-21 ta’ Mejju, 2021, sabiex jitlob li ismu jiddaħħal f’dan ir-reġistru.
Kull min jixtieq jippreżenta appell jista’ jikseb għajnuna mill-Uffiċċju Elettorali, Evans Building, Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta jew mill-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità, 28A, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex.