Għaddej ix-xogħol fuq żewġ proġetti b’investiment ta’ aktar minn miljun ewro fis-Siġġiewi.
L-ewwel wieħed jinkludi z-zuntier tal-Knisja Parrokkjali li minħabba ħsarat li kien fih, inqala’ u nbena mill-ġdid.
Proġett ieħor jinkludi spazju fil-qalba ta’ bini residenzjali f’Ta’ Ramija li nbidel f’żona ħadra u rikreattiva għall-komunità Siġġiwija b’mod speċjali. Il-proġett kien jinkludi t-tneħħija tal-paviment tal-konkos u l-bini ta’ ġiebja biex tiġbor l-ilma tax-xita li mbagħad jintuża f’sistema ġdida ta’ irrigazzjoni. F’dawn l-akkwati se jkunu mħawla għadd ta’ pjanti u siġar, se jsir pavimentar ġdid, sistema ta’ WIFI b’xejn, lampi ġodda u sistema ġdida ta’ kameras CCTV.
Filwaqt li faħħar il-ħidma li qed issir mill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia qal li dawn iż-żewġ proġetti fis-Siġġiewi huma parti minn kullana ta’ xogħlijiet li qed isiru f’lokalitajiet varji sabiex barra li jsebbħu l-irħula, ikunu aċċessibbli għal kulħadd.
Stqarr, ‘Bħalma qed nagħmlu f’lokalitajiet madwar il-pajjiż, tkellimna mal-kunsill lokali, rajna x’inhuma l-ħtiġijiet, ippjanajna flimkien u dan kollu se jgħaqqad biex inkomplu nagħmlu esperjenza pożittiva fil-ħajja tal-komunitajiet tagħna.’
Fil-preżenza tal-Arċipriet tal-Parroċċa Dun Josef Mifsud, is-Sindku tas-Siġġiewi Dominic Grech saħaq li dawn il-proġetti se jservu ta’ fejda għas-Siġġiwin kollha.
Qal, ‘Proġett ta’ miljun ewro, li se jkun qed jagħti bixra ġdida, lil dan iz-zuntier artistiku li għandna. Dan hu l-aqwa mod biex nippriservaw il-patrimonju tagħna. * Il-Ġnien ta’ Ramija, minn post li kien litteralment konkos u bankijiet, illum għandna post ħadrani li se jkun mgħammar bl-aqwa faċilitajiet moderni.’