Ivan Woods ġie maħtur kowċ tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena kif ukoll koordinatur tekniku tal-kateogriji kollha biex b’hekk se jkun qed jieħu post Alessandro Zinnari bħala koordinatur.
Woods se jkun qed jieħu post ukoll Francesco Macri, li kien ġie maħtur kowċ temporanju tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena minflok Gilbert Agius li f’Novembru 2022 beda esperjenza ġdida fl-Indonesja. L-ex plejer ta’ Sliema Wanderers se jkun assistit minn Francesco Macri u Herman Bugeja.
Apparti l-ħatra ta’ Woods, l-MFA ħabret ristriturar f’diversi kategoriji oħra.
Paul Gatt ġie maħtur kowċ tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-19 il-sena minflok il-Portugiż Toze Mendes. Gatt se jkun assist minn Stefano Grima li kien diġa jokkupa lis-stess rwol. Alex Ramella se jkun qed jieħu post Andrew Hogg bħala kowċ tal-goalkeepers.
Vince Galea ġie maħtur kowċ tat-tim nazzjonali Malti tan-nisa ta’ taħt il-17 il-sena kif ukoll koordinatur tas-settur femminili.
Gabriel Dobre huwa l-kowċ il-ġdid tat-tim nazzjonali Malti tal-futsal minflok Zelkjo Anicic li mexxa lit-tim għal dawn l-aħħar tlett snin.