Id-Deputat Nazzjonalista Ivan J. Bartolo tas-6pm sostna li hu “m’għandux x’jaqsam” man-nuqqasijiet tal-Partit Nazzjonalista fl-obbligi legali b’rabta mal-kontijiet finanzjarji tiegħu.
Dan fid-dawl li l-istess Partit Nazzjonalista naqas milli jissottometti l-kontijiet tiegħu mal-Kummissjoni Elettorali minn kemm ilu Kap Bernard Grech.
Barra l-Parlament, id-Deputat Nazzjonalista, evidentament skomdu, sostna mal-mikrofonu ta’ ONE News li m’għandux x’jaqsam ma’ dawn in-nuqqasijiet dwar l-obbligi tal-Partit tiegħu.
“M’għandix x’naqsam, thank you.”
Din id-dikjarazzjoni ta’ Bartolo, tixhed l-iskumdità fil-Grupp Parlamentari Nazzjonalista b’rabta ma’ din il-materja.
Dan minkejja li l-Kap Nazzjonalista, quddiem numru ta’ rapporti li jindikaw li l-Partit li jmexxi mhux isib awdituri biex jiffirmawlu l-kontijiet finanzjarji, sostna li dawn huma “ereżijiet kbar”.
Ġurnalist – “Għaliex mhux jiffirmawhomlok l-awdituri?”
Bernard Grech – “Qed tgħid ereżijiet kbar.”
Grech sostna li dawn huma “ereżijiet”, minkejja li proprju ftit jiem qabel kien hu stess li ammetta fuq l-istazzjon tal-Knisja li l-Partit Nazzjonalista mhux qed isib awdituri biex jiffirmawlu l-kontijiet finanzjarji.
Dan wisq probabbli minħabba l-fatt li l-istess kontijiet finanzjarji jinvolvu nuqqasjijiet u taħwid kbir.
“Ikun hemm xi kultant kumplikazzjonijiet, ħafna drabi jkunu ħmerija, jiġifieri inti jkollok bżonn awditur u inti ma ssibx awditur.”
Mal-Kummissjoni Elettorali, il-Partit Nazzjonalista għadu ma ssottomettiex il-kontijiet finanzjarji awditjati u r-rapporti tad-donazzjonijiet li rċieva għas-snin 2021 ’il quddiem.
Dan minkejja ħames ittri ta’ twissija li l-istess Kummissjoni Elettorali bagħtet lill-Partit Nazzjonalista biex jirregola ruħu u jżomm mal-obbligi tiegħu.