Id-Deputat Nazzjonalista Ivan J. Bartolo tas-6pm mhux biss rema lill-kollega tiegħu u Ewroparlamentari Peter Agius, imma qal li għamel ħażin meta ġie mistoqsi dwar l-aġir tiegħu, li ġie kkonfermat li gideb wara investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi, l-OLAF.
Agius fl-aħħar xhur irrapporta lil żviluppatur Malti u allega li dan abbuża minn fondi Ewropej, fl-ammont ta’ €360,000, biex jibni villa fin-Naxxar, minflok razzett tan-nagħaġ, kif suppost.
Minkejja dan, l-OLAF ma sab xejn minn dak li vvinta Agius u kixfet lill-Ewroparlamentari Nazzjonalista li kien spara akkużi bl-addoċċ, mingħajr lanqas biss ivverifika l-fatti qabel, basta pprova jiskorja punti politiċi.
Sadanittant, id-Deputat Ivan J. Bartolo, viżibilment skomdu, l-Erbgħa filgħodu, farfar mir-responsabbiltà u tenna li hu jiddefendi biss il-verità u, għalhekk, minflok ipprova jaqbeż għal sieħbu, ma’ ONE News Bartolo qal hekk …
“Jekk hu hekk, hu ħażin.”
Dan ma kienx l-unika diskors ta’ deputati Nazzjonalisti li ma ddefendewx il-gidba ta’ Agius. Dan għax, din is-sena wkoll, il-kandidata Nazzjonalista Miriana Calleja Testaferrata De Noto kienet indikat li Peter Agius għandu jagħmel apoloġija wara l-ħafna teatrini tiegħu, biex issa ħareġ ta’ giddieb.
Qalet, “Mela naħseb li importanti nifhmu minn fejn ġejjin it-teatrini li qed ngħidu. Naħseb jekk persuna tagħmel teatrini żejda, iva għandha titlob apoloġija.”