Ivan Grech, il-kantant tal-grupp Winter Moods ħabbar l-ewwel kunċert tiegħu waħdu li se jsir f’Pjazza Teatru Rjal, il-Belt nħar il-Ġimgħa 19 t’Awissu. Biljetti għal dan il-kunċert jinsabu għall- bejgħ minn www.showshappening.com.
Dan il-kunċert se jkun kemmxejn differenti, dan għaliex minbarra diski popolari li kiteb flimkien ma’ Winter Moods, se jkun qed jiterpreta diski oħrajn li nfluenzawh tul is-snin.
“Dan huwa pass kbir għalija, xi ħaġa li ilni biex nagħmel għal żmien twil. Dan il-kunċert se jkun mixja mużikali tul iż-żmien, fejn ninterpreta diski li ispirawni biex nidħol fix-xena mużikali u nikteb il-mużika, diski li nfluwenzaw il-karriera tiegħi, li kienu parti mportanti f’ħajti,” qal Ivan.
Huwa spjega li se jkun qed jiterpreta wkoll diski klassiċi, bħal ‘Evergreen’ mis-snin sittin sad- disgħinijiet, minn Pete Seeger, Depeche Mode, Elvis, U2 u bosta oħrajn.
Ivan ser ikun akkunmpanjat minn Jeremy Micallef u David Cassar Torregiani fuq il-kitarra, Conrad Dimech fuq kitarra u keyboards, David Ciantar fuq keyboards, Robert Galea fuq bass u Raphael Tonna fuq drums. Backing vocalists huma Dario Bezzina u Amanda Dimech. Xi mistiedna speċjali se jakkumpanjaw lil Ivan f’dan il-lejl.
Għal aktar informazzjoni segwi lil Ivan fuq Facebook, Twitter u Instagram.