Proprju ġurnata qabel tidħol fis-seħħ l-inizjattiva ta’ stabbiltà fil-prezzijiet ta’ madwar 450 prodott essenzjali tal-ikel, il-Partit Nazzjonalista ħareġ mill-ġdid jattakka l-ftehim, li se jkompli jħalli aktar flus fil-bwiet tal-Maltin u l-Għawdxin, ladarba hu mmirat li jiġġieled l-isfida tal-inflazzjoni.
Iżda li kien għall-Partit Nazzjonalista, il-Gvern ma kellux jindaħal favur inizjattiva ta’ dan it-tip.
Dan ħareġ waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista, hekk kif il-midja staqsiet għal reazzjoni jum qabel din l-inizjattiva tidħol fis-seħħ.
Fit-tweġiba tiegħu, il-Kelliem responsabbli mill-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja, Ivan Castillo, qal hekk …
“Settur li fl-ebda ħin ma kellu l-Gvern jindaħal fih.”
Din id-dikjarazzjoni ma kinitx ta’ darba. Ftit tal-jiem ilu, il-Partit Nazzjonalista, din id-darba permezz ta’ Ivan J. Bartolo tas-6pm, qal hekk…
“L-Onorevoli Silvio Schembri qed iħabbat bieb bieb, qed jitkellem man-negozjanti li jimportaw l-ikel, għax qed jieħu inizjattiva biex jara kif se jraħħas il-ħajja. Ma tistax toħroġ hemm barra u lin-negozjant tgħidlu ara x’se tagħmel ħa traħħas il-prezzijiet. Mela waqt li kollox qed jogħla, qed ngħidulu raħħas il-prezzijiet.”