Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo kompla joħloq konfużjoni fuq il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar il-Gozo Channel, li issa fil-beraħ għandu żewġ pożizzjonijiet dwar il-kumpanija.
Il-Partit Nazzjonalista, permezz ta’ Peter Agius, nhar it-Tnejn qal li din il-kumpanija għandha tiġi privatizzata, u aktar qabel, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex, Alex Borg, u d-Deputat Ivan Castillo kien urew tħassib fuq privatizzazzjoni tal-Gozo Channel.
Iffaċċjat bil-u-turn tal-Partit Nazzjonalista, Ivan Castillo ma kienx jaf iwieġeb.
Ippressat iżjed fuq il-kwistjoni, Castillo ta daqqa lil Peter Agius u l-kelma tiegħu u qal li l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista m’għandhiex tinbidel, billi saħaq li għandna nibqgħu nsegwu dak li kien qal il-Partit Nazzjonalista.
Nhar it-Tnejn fit-Times, Peter Agius kiteb li l-kumpanija Gozo Channel għandha tiġi privatizzata.
Fil-fatt, fl-artiklu, qal li l-Gozo Channel għandha bżonn tmexxija ġdida, waħda fejn ma tkunx ikkontrollata mill-Gvern.
Fi kliem ieħor, din tingħata lil privat.
Iżda Castillo u Alex Borg kienu diġà ħarġu kontra dak li qal Peter Agius, li issa minn kelliem għall-Kap Bernard Grech, reġa’ ħiereġ mal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Dwar l-aħħar konfużjoni, li nqalgħet fil-Partit ta’ Bernard Grech, anke staqsejna lil Alex Borg, li giddeb kliem Peter Agius miktub iswed fuq l-abjad.
Qal, “Ma nikkummentax għax ma qalx hekk.”