L-eks ġurnalist ta’ The Times of Malta Ivan Camilleri u l-edituri tal-istess ġurnal Herman Grech u Mark Wood ġew ikkundannati jħallsu bejniethom €9,000 f’danni wara li nstabu ħatja li mmalafamaw lill-Imħallef Emeritu Philip Sciberras.
Dr Sciberras fetaħ libell lil The Sunday Times wara li ħassu mmalafamat b’artiklu li kien ippubblikat fil-gazzetta f’Marzu ta’ sentejn ilu.
Ivan Camilleri kien allega li Sciberras daħħal pensjoni li ma kienx intitolat għaliha. Saħansitra The Times allegat li kien hemm indħil politiku biex ingħata din il-pensjoni.
Fis-sentenza ngħad li kawża ta’ din l-allegazzjoni, Dr Sciberras spiċċa investigat mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali.
Investigazzjoni li kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda indħil politiku jew imġiba mhux xierqa fl-għoti tal-pensjoni.
The Times żiedet tallega li Sciberras, minbarra li jdaħħal il-pensjoni ta’ eks Imħallef u dik nazzjonali, applika għal pensjoni ta’ Membru Parlamentari.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Victor Axiak qalet li l-Imħallef Emeritu huwa ex ġudikant b’karriera twila li jgawdi reputazzjoniji għolja. Sostniet li l-allegazzjonijiet li saru fuqu minn The Times kienu serji ħafna.
Innota li Camilleri skarta għalkollox fatti importanti u qagħad fuq sorsi u interpretazzjonijiet tiegħu. Qalet li dan wassal għal artiklu mimli żbalji u suppożizzjonijiet gratwiti.
Il-Qorti qalet li l-gazzetta attakkat l-integrità ta’ persuna li bniet karriera fuq l-integrità u l-affidabilità tagħha bħala ġudikant fl-ogħla qrati Maltin.
Il-Maġistrat Axiak innota wkoll li l-gazzetta fl-ebda stadju m’għamlet xi forma ta’ apoloġija, anke meta matul il-kawża il-fatti bdew juru stampa differenti minn dak irrappurtat fl-artikli.
Saħansitra qalet li lejn l-aħħar ipprovaw idawru ta’ taħt fuq it-tifsira ċara tal-artiklu!
Kien għalhekk li l-Qorti kkonkludliet li l-artikli ppubblikati minn The Sunday Times of Malta, u fuq is-sit elettoroniku tat-Times bħala libellużi, u għalhekk ikkundannat lil Ivan Camilleri u l-edituri Mark Wood u Herman Grech jħallsu s-somma ta’ €9,000.