L-eks ġurnalist tat-Times, Ivan Camilleri, li kien informa lil Yorgen Fenech li kien se jiġi arrestat mill-Pulizija, huwa fil-fatt kittieb prim għas-sit tal-aħbarijiet tal-establishment Nazzjonalista ‘The Shift News’.
Dan ġie kkonfermat mill-gazzetta Illum, fil-ħarġa tagħha tal-Ħadd.
Huwa kien għadda din l-informazzjoni, fiż-żmien li kien jaħdem fil-Kamra tal-Aħbarijiet tat-Times, u b’hekk kien jisma’ x’qed jingħad.
Minkejja r-relazzjoni tiegħu mal-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, is-sid ta’ The Shift, Caroline Muscat, xorta baqgħet tuża s-servizzi ta’ Camilleri.
Caroline Muscat, hija inċidentalment ukoll il-Campaign Manager ta’ Simon Busuttil, fl-elezzjoni ġenerali tal-2017.
Il-gazzetta Illum – irrapportat dwar kif Camilleri huwa magħruf għall-kitbiet kattivi u personali tiegħu.
Fil-fatt, huwa kien tkeċċa wara li kien inkixef permezz ta’ filmat fuq CCTV, jisraq minn supermarket fin-Naxxar. Tat-Times, kienu ħarġu jiddefenduh f’editorjal, sakemm ftit ġimgħat wara messaġġi llikjati indikaw li Camilleri kien informa lil Yorgen Fenech li l-Pulizija kienu se jarrestawh. Dan b’indikazzjonijiet li Camilleri kien tħallas minn Fenech fix-xhur ta’ qabel.
Camilleri, jiġi ħu Alan Camilleri, li kien il-PRO tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi u wara serva bħala Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise.