L-eks ġurnalist tat-Times Ivan Camilleri fetaħ proċeduri legali kontra l-kumpanija li kien jaħdem magħha għax skontu tkeċċa b’mod illegali u irregolari mit-Times.
Allied Newspapers, il-kumpanija li tippubblika t-Times kienet ikkonfermat it-tkeċċija ta’ Camilleri l-għada li l-maltatoday allegat li Camilleri għadda informazzjoni lil Yorgen Fenech, li l-pulizija kienet qiegħda ssus warajh.
Dan lejlet li Fenech ipprova jaħrab minn pajjiżna fuq il-jott lussuż tiegħu.
Yorgen Fenech huwa s-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Maltatoday kienet irrappurtat li isem Ivan Camilleri deher f’messaġġi fuq il-whatsapp li rat il-pulizija bejn Yorgen Fenech u zijuh Ray Fenech.
Fuq il-profil tiegħu ta’ facebook, Ivan Camilleri qal li wara sittax-il sena jaħdem ma’ The Times, uħud mill-ogħla membri fil-ġerarkija fit-Times ikkumplottaw u ffabbrikaw stejjer dwaru biex jagħmlu dak li kienu ilhom li riedu jagħmlu għal numru ta’ snin.
Ivan Camilleri li fisser lilu nnifsu fit-Times bħala l-iktar wieħed b’esperjenza, allega li f’inqas minn siegħa u nofs, dawk responsabbli fit-Times assassinaw il-vuċi tiegħu mingħajr ma pprovdew xi evidenza biex jissostanjzaw il-kumplott tagħhom.
Huwa qal li mhux se jittollera dan.
F’Jannar li għadda fil-Qorti ġie żvelvat li Camilleri ħallas ħamest elef ewro lis-sid tas-supermarket wara li nqabad ħiereġ b’oġġetti li ma ħallasx.
Dan ħareġ f’xhieda li ta s-sid tal-Valyou Supermarket Ray Mintoff f’kawża ta’ libell li fetaħ id-Direttur Maniġerjali tal-Media Today Saviour Balzan kontra Camilleri wara li akkużah b’gideb.
Il-Maltatoday kienet irrappurtat li Ivan Camilleri allegatament inqabad ħiereġ mill-ħanut b’oġġetti ta’ valur li ma ħallasx għalihom għal darba darbtejn. Ir-rapport allega li Camilleri nqabad fuq il-kameras tas-sigurtà u hemm ġie affaċċjat mit-tmexxija tas-supermarket