L-ex ġurnalist ta’ The Times of Malta Ivan Camilleri ħallas €5,000 ewro lis-sid tas-supermarket li allegatament inqabad ħiereg minnu b’oġġetti ta’ valur li ma ħallasx għalihom għal darba darbtejn.
Dan ġie żvelat fi tmiem ix-xhieda li ta Ray Mintoff, is-sid tas-supermarket Value f’kawża ta’ libell li fetaħ id-Direttur Maniġerjali tal-Media Today Saviour Balzan kontra Camilleri.
Fl-aħħar ta’ Ottubru li għadda, il-gazzetta MaltaToday żvelat kif l-ex ġurnalist tat-Times of Malta allegatament seraq oġġetti minn supermarket fin-Naxxar.
Ir-rapport allega li Camilleri nqabad fuq il-kameras tas-CCTV u hemm ġie affaċċjat mit-tmexxija tal-istabbiliment.
Fi tmiem ix-xhieda, is-sid tal-Valyou spjega kif f’telefonata ma’ Saviour Balzon fid-29 ta’ Ottubru huwa qallu li l-prodotti fit-trolley ta’ Camilleri kienu jammontaw għal madwar €80. Huwa qal li l-għada Camilleri talbu apoloġija.
Madankollu fil-kontra eżami mill-Avukat Veronique Dalli, is-sid tal-ħanut, f’mument ta’ aġitazzjoni qal lill-Maġistrat li aċċetta €5,000 ewro mingħand Ivan Camilleri.
Qal li s-somma totali rċeviha f’żewġ pagamenti ta’ €2,500-il wieħed.
Matul is-smiegħ tax-xhieda, xehed ukoll id-Direttur Maniġerjali ta’ Media Today Saviour Balzan.
Huwa qal kif l-għada li ġiet ippublikata l-istorja dwar l-allegata serqa, il-gażżetta The Times of Malta fl-editorjal tagħha ddefendiet lill-Camilleri u ddeskriviet l-artiklu ta’ Balzan bħala malizzjuż.
Madankollu qal li fil-21 ta’ Diċembru li għadda, il-gazzetta rtirat id-difiża li kienet għamlet għal Camilleri wara li sar magħruf li Camilleri, allegatament għadda informa lil Yorgen Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li l-pulizija kienet qed issus warajh. Qal li dakinhar it-tmexxija tat-Times żiedet tgħid li keċċiet lil Camillieri wara li investigat l-allegazzjonijiet u sabu li kienu minnhom.