Sitt donazzjonijiet ta’ seba’ ewro l-waħda (€6.99 biex inkunu preċiżi) li kienu parti minn ċajta, għamluha fil-faċċata tat-Times of Malta li fit-titlu tat l-impressjoni li ċ-ċajta setgħet kienet kruċjali biex il-Partit Laburista ġabar iktar minn sitt mitt elf ewro fil-maratona ġbir ta’ fondi li organizza nhar il-Ħadd.
“Unsolicited joke boosts Labour telethon,” kiteb fit-titlu tiegħu Camilleri. Iżda, meta stħarriġna ftit din il-‘boost’ x’kienet tfisser sibna li fl-aħħar mill-aħħar il-Partit Laburista lanqas kien ikollu biex jixtri kopja tat- Times of Malta għal xahar sħiħ. Mhux għax għandu x’jambiha jekk l-editur se jibqa’ jagħżel dawn l-istejjer ta’ Camilleri għall-faċċata.
Meta kkuntatjat minn one.com.mt Ivan Falzon (Kap Eżekuttiv ta’ Mater Dei) ikkonfermalna li ċ-ċajta oriġinat mill-mobile tiegħu, għalkemm l-ikbar vittma kien hu. Ħabib tiegħu bagħat messaġġ mill-mobile tiegħu (ta’ Falzon) fejn qal li tilef in-numri u kellhom jibagħtu talba lill-Vodafone biex jieħdu ħsieb jirreġistraw in-numru ta’ min irċieva l-messaġġ lura fil-kuntatti ta’ Falzon. In-numru li ta għal din it-talba kien dak ta’ donazzjoni b’sms lill-Partit Laburista.
Mid-dehra dan kellu jintbagħat lil xi ħadd partikolari u minflok mar għand xi tnax-il persuna. Minnhom jidher li kienu sitta li daħlu għaliha u għalhekk il-Partit Laburista daħħal ftit ċenteżmi inqas minn €42. Iżda, Falzon kellu joħroġ is-seba’ ewro ta’ waħda li din id-donazzjoni ma ridetx tagħmilha u persuna oħra ċemplet lill-Vodafone biex tħassarha. Biex fl-aħħar mill-aħħar il-Partit Laburista daħħal madwar €35 ewro.
B’€35 ewro lanqas tixtri vit jew skorfina jekk tikkunsidra kemm kienu swew il-bibien meta ħu Ivan Camilleri kien responsabbli mill-bini tal-Malta Enterprise.