Il-kandidat Nazzjonalista Ivan J. Bartolo ġie mwiegħed aktar spazju minn kandidati oħrajn fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista sal-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Dan wara li fl-aħħar jiem esprima r-rabja tiegħu fil-pubbliku għall-fatt li l-Kap Bernard Grech u l-Partit injorawh meta ġie biex jimtela l-post vakant ta’ David Thake, li rriżenja minħabba €820,000 f’taxxa li għandu jagħti lill-Istat.
Żvelat dan il-gazzetta Kullħadd hekk kif spjegat li l-Partit Nazzjonalista wasal biex jiffavorixxi lil Ivan Bartolo wara li Bernard Grech kien sforzat mill-“Blue Heroes” tal-establishment biex jagħżel lil Graziella Galea fil-co-option flok David Thake.
Dan sabiex ma tingħatax palata lill-Avukat Joe Giglio li qed joħroġ fuq id-distretti ta’ Jason Azzopardi u Karol Aquilina.
Il-Kullħadd fir-rapport tagħha spjegat li l-fiduċja li Bartolo jgawdi mal-Kap kienet riflessa wkoll meta dan tal-aħħar ipproponieh bħala Viċi Kap tiegħu fil-bidu tas-sena l-oħra.
Għaldaqstant, sorsi fid-Dar Ċentrali qalu lil din il-gazzetta li mhix sorpriża li issa Bartolo jista’ jiġi aġevolat fuq kandidati oħrajn tal-Partit.
Fost dawn il-kandidati fil-fatt hemm il-Viċi Kap attwali Robert Arrigo, li skond il-Kullħadd, din il-prominenza li ġie mwiegħed Bartolo qajmet skuntentizza kbir fil-kamp tiegħu.
Intant il-Kullħadd spjegat ukoll kif id-deċiżjoni sforzata ta’ isem Graziella Galea fuq l-Eżekuttiv Nazzjonalista bħala l-unika għażla flok Thake u l-kummenti tagħha, qanqlu rabja kbira fit-tmexxija.
Dan speċjalment wara l-attività politika tal-Partit Nazzjonalista ta’ żewġt iħdud ilu fejn Graziella Galea ħammret mhux ftit wiċċ il-Kap Bernard Grech wara li qalet hekk.
“Nirringrazzja lil kull min aċċetta il-proposta tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech anke jekk forsi personalment ma qabilx ma din id-deċiżjoni. Nifhem li ma kinitx deċiżjoni faċli speċjalment jekk tkun fl-istess tellieqa.”
Hawn il-Kullħadd tkompli tiżvela mis-sorsi tagħha kif għal dan Galea mistenni tpatti qares hekk kif il-magna tal-Partit issa se tkun qed taħdem kontriha.