Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo ddikjara li l-iskema ta’ qligħ minn fuq dahar in-nies, li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista f’xirjiet hija xi ħaġa f’postha.
Fuq l-istazzjon Nazzjonalista, Ivan Bartolo ddefenda l-bejgħ tal-xirjiet li qed jorganizza l-Partit Nazzjonalista u li minnhom qed jagħmel il-qligħ.
Bartolo qal, “Għaliex aħna qegħdin nagħmlu xi ħaġa f’postha u qegħdin naqilgħu persentaġġ minn dik ix-xirja.”
Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo kien tkaża b’dan l-istazzjon għax irrapporta li l-Partit Nazzjonalista qed jaqla’ ħmistax fil-mija fuq kull xirja li qed jbigħ f’dawn iż-żminijiet tal-pandemija.
F’artiklu fuq l-independent id-deputat li fl-aħħar xhur iddeskriva l-Partit tiegħu stess li spiċċa borġ ġebel, ipprova jiġġustifika din l-iskema tax-xirjiet mid-Dar Ċentrali li fihom ibigħ il-bajd, il-laned tal-corned beef u tat-tonn taż-żejt u ħobża mqatta’.
Qal li l-Partit Nazzjonalista qed jitma’ l-eluf ta’ nies u jgħin lil vulnerabbli.
Iżda d-deputat Nazzjonalista naqas milli jsemmi li dawn ix-xirjiet huma bil-flus.
Il-Viċi kap tiegħu stess Robert Arrigo kien ammetta li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel il-qligħ minn dawn ix-xirjiet.
Intant fuq l-istazzjon Nazzjonalista Ivan Bartolo ġiet f’ilsienu wkoll inizzjattiva li qed tagħti wens lin-nies anki f’dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji li qed ngħixu fihom minħabba l-pandemija.
Bartolo kritika l-inforjata u staqsa x’gost fiha.
“Tidħaq hux vera, huwa tad-daħq f’dan iż-żmien surreali meta inti, din ħadd m’hu qed jidħol il-Belt. Tista’ tara fuq l-internet u din x’gost fiha?” Temm jgħid Bartolo.