Waqt laqgħa tal-Kabinett tal-Ministri fil-Mosta, Ivan Bartolo, li se jkun Sindku ġdid tal-istess lokalità qal li ma jridx il-parkeġġ propost fil-Pjazza tal-Mosta. Anke jekk il-proġett propost kellu l-approvazzjoni tal-Kunsill Lokali tant li dwaru saret konferenza tal-aħbarijiet. Konferenza li kienet indirizzata mis-Sindku tal-Mosta ta’ dak iż-żmien, illum deputat, Edwin Vassallo.
Dakinhar kien spjegat kif il-Kunsill Lokali tal-Mosta kien ikkonsultat dwar is-sejħa ta’ Projects Malta għall-parkeġġ fiċ-ċentru tal-Mosta u li jekk kemm –il darba kien jinbet xi dubju dwar xi impatt fuq ir-Rotunda l-proġett ma jsirx.
Bis-sejħa miftuħa Bartolo ħa pożizzjoni opposta, tant li l-Prim Ministru talbu jikkjarifika għax il-Kunsill tal-Mosta qatt ma qal li bidel il-pożizzjoni tiegħu. Bħal Vassallo, Bartolo huwa kandidat fuq il-ħdax –il distrett u l-mossa ta’ dalgħodu diġa’ qed tkun interpretata bħala l-ewwel ċans tiegħu li jagħti daqqa kompetitur fuq l-istess distrett. Anke għax kien hemm xi Mostin li opponew il-proġett minħabba l-biża’ ta’ xi impatt fuq ir-rotunda.
Xi ħaġa li Projects Malta spjegat kemm –il darba tant li fuq il-kumitat tekniku b’rabta mal-proġett hemm ukoll rappreżentant tal-Kurja tal-Arċisqof.