Il-Parlament Ingliż irid jingħata vot ċar dwar il-ftehim Brexit li ntleħaq il-ġimgħa l-oħra bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea, iżda, li l-membri parlamentari Ingliżi rrufjutaw f’vot li ttieħed is-Sibt li għadda. Filwaqt li l-Prim Ministru Ingliż, Boris Johnson, kien sfurzat jibgħat ittra, li rrifjuta li jiffirma, sabiex jitlob lill-Unjoni Ewropea għall-estensjoni dwar il-ftehim ġdid ta’ Brexit.
Il-Prim Ministru Ingliż irid lill-membri parlamentari jiddikjaraw b’mod ċar bil-kliem iva jew le dwar il-ftehim Brexit, vot li mistenni jittieħed illum. Huwa f’idejn l-ispeaker tal-kamra, John Bercow, sabiex jiddeċiedi jekk iħallix dan il-vot isir b’dan il-mod jew le.
Intant, l-Unjoni Ewropea għadha qed tikkunsidra l-mod kif se tirrispondi għat-talba tar-Renju Unit dwar id-dewmien, iżda kompliet tgħid li l-iżviluppi tas-Sibt li għadda, ma jfissirx li l-ftehim il-ġdid ġie rrifjutat.