L-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa sostna li hu se jibqa’ jgħid kontra Malta fil-Parlament Ewropew. Casa qal dan f’dibattitu mtella’ mill-Awtorità tax-Xandir fuq l-istazzjon nazzjonali f’dibattitu b’rabta mal-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Fost l-għajjat u l-isteriżmu, li ta kull darba jiddominaw id-diskors tiegħu, l-Ewroparlamenti Nazzjonalista qal li, jekk ma jsirx kif irid hu, hu se jibqa’ jaħdem kontra Malta.
“Iva ħa nkun fil-Parlament Ewropew ngħid kontrikom, bilfors”.
Dan id-diskors ta’ Casa jingħaqad ma’ interventi oħrajn tiegħu li għamel tul din il-kampanja għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, fejn kemm-il darba ħareġ qatta’ bla ħabel kontra pajjiżna.
Fil-fatt, fl-aħħar jiem fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista stess, Casa iddandan kif hu juża diversi istituzzjonijier Ewropej u internazzjonali biex jaħdem kontra pajjiżna.
“Għax jiena d-dover tiegħi hu li nuża l-istituzzjonijiet Ewropej u m’użajtx biss il-Parlament Ewropew, użajt lill-Kummissjoni, użajt il-Kunsill, użajt il-Moneyval, użajt il-Venice Commission. Użajt lill-istituzzjonijiet internazzjonali.”
Fl-aħħar ħames snin, fil-Parlament Ewropew, David Casa u Roberta Metsola ħarġu barra minn triqithom biex jattakkaw lil Malta fejn ressqu erbatax-il riżoluzzjoni kontra pajjiżna.
Quddiem dan kollu, fejn anke matul id-dibattitu spiċċa mgħajjar mill-istess Casa, il-Viċi President tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew u Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Laburista, Alex Agius Saliba, tenna li l-Partit Laburista dejjem ħadem favur Malta.
“L-akbar weġgħa tiegħi kienet dik meta nara membri Maltin bħalna, sfortunatament membri, bħal David Casa, qishom abbatini jiġru fil-plenarja tal-Parlament Ewropew iqasmu l-karti kontra pajjiżna. Kellu tliet opportunitajiet, biex jgħidilkom hu u min ħa jkun jiġi elett f’isem il-Partit Nazzjonalista u ħlief attakki u ħlief frodi u ħlief sptarijiet. Wara t-8 ta’ Ġunju, David ħa nkunu qed npoġġu b’deċiżjonijiet importanti.”