Kienu bosta partijiet fl-Isptar Mater Dei li fl-aħħar jiem inbidlu fi swali għall-pazjenti minħabba l-imxija tal-Coronavirus f’pajjiżna.
Fost l-oħrajn dik li sa ftit jiem ilu kienet il-librerija tal-iskola medika, illum hija sala li diġà qed tilqa’ fiha l-pazjenti, filwaqt li l-canteen tal-ħaddiema qed jinbidel f’sala oħra li se tesa’ madwar sittin sodda.
Inbniet ukoll taqsima ġdida għall-pazjenti bil-Coronavirus li jkollhom bżonn kura intensiva.
Iċ-Chairperson Kliniku Dr Carmel Abela, spjega kif inhi mgħammra din it-taqsima għall-kura intensiva ġdida.
Huwa spjega: “Ġo dil-kamra, li hija dirty area, ħa jkun hawn in-nurses u t-tobba lebsien ilbies protettiv apposta biex jieħdu ħsieb il-pazjenti. Warajja hemm il-control room fejn hija l-clean area u biex jikkomunikaw bejn ġewwa u barra għamilna sistema apposta ta’ komunikazzjoni, tuża l-voice u bil-video wkoll.”
F’din l-ITU hemm ukoll apparat imsejjaħ HEPA-Filter, li se jkun kruċjali f’każ li s-sala tkun mimlija pazjenti bil-coronavirus.
Dr Abela sostna: “Hawnhekk għandna dan l-apparat li qed jiffiltra l-arja biex min qiegħed hawn ġew, qed ikollu l-arja ffiltrata mill-mikrobu għax ovvjament, wieħed mir-riskji huwa li meta l-pazjenti jkunu fl-ITU intubati, jinxtered il-mikrobu fl-arja. It-tobba u n-nurses se jkunu lesbin il-maskri u l-filter jiffiltra l-arja li qegħdin ġo fiha.”
Dr Abela saħaq li l-professjonisti kollha qed jaħdmu lejl u nhar biex jippreparaw il-post, il-protokolli tas-saħħa, u jaraw li jingħata t-taħriġ meħtieġ lill-ħaddiema kollha.
Huwa kompla jgħid: “Nappella lin-nies biex jisimgħu mill-istruzzjonijiet li qed jagħtihom il-Ministru tas-Saħħa u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika għax dawk jevitaw li jkollna dak it-tsunami ta’ pazjenti li aħna mbagħad ma nkunux nistgħu nlaħħqu miegħu jiġifieri għalkemm qed nippreparaw, hemm limitu ta’ kemm nistgħu nieħdu pazjenti f’salt u ma rridux niġu f’sitwazzjonijiet ta’ pajjiżi bħall-Italja u pajjiżi oħra.”