Studju, li sar minn Dr Ingrid Lanfranco, Counseling Psychologist u Family Therapist kif ukoll Kap tad-Dipartiment tal-Istudji tat-Tfal u l-Familja fl-Università ta’ Malta, wera li meta wieħed jiffoka fuq ir-relazzjoni bejn il-koppji, mhux biss jibbenefikaw huma, imma jkollhom effett pożittiv mat-tfal fil-każ ta’ ġenituri.
Dr Lanfranco, li indirizzat l-aħħar laqgħa tal-Kabinett man-nies it-Tlieta f’Dar San Ġużepp, f’Santa Venera, ipproponiet lill-Gvern kors ibbażat fuq l-istess studju biex ikun jista’ jimplimentah fil-ħidma soċjali tiegħu.
Hi spjegat li, fil-kors fejn diġà pparteċipaw numru ta’ ġenituri, għandu l-għan li jitnaqqas il-parental burn out u abbużi fuq it-tfal.
“Flus investiti biex nissapportjaw il-ġenituri qatt mhuma moħlijin, għax ikollhom riżultat tajjeb għas-soċjetà tagħna fejn ikollna ġenituri u familji iżjed b’saħħithom.”
Dr Ingrid Lanfranco – Counselling Psychologist
Waqt l-istess Kabinett, li kellu t-tema prinċipali tas-soċjal u ġew elenkati l-iżviluppi li dan il-qasam ra f’pajjiżna, inkluż kif il-baġit allokat irdoppja fuq 12-il sena ilu, tkellmu mistiedna oħrajn dwar aspetti relatati.
Dr Clarissa Sammut Scerri, senior lecturer fid-dipartiment tal-istudju tat-tfal u l-familja fl-Università ta’ Malta, tkellmet dwar kif, flimkien ma’ tim ta’ esperti, ħadmu biex jiskopru l-mod ta’ kif pajjiżi oħrajn jagħmlu r-risk assessments u qalbu dak li sabu għall-Malti biex illum jista’ jintuża f’pajjiżna għall-benefiċju tal-poplu.
“Nemmen li dan hu xogħol siewi u importanti. Naħdmu id f’id. Nirringrazza lill-Ministru Michael Falzon u l-kollegi tal-fiduċja u d-disponibiltà biex ix-xogħol tagħna dejjem jkun informat minn prattika xjentifika u etika.”
Dr Clarissa Sammut Scerri – Senior Lecturer, l-Universita
Ingrid Baldacchino, li hi family therapist, spjegat kif, minkejja l-għajnuna kollha li tingħata, xorta waħda qed jaraw il-problemi bejn il-familji.
Qalet li dan kollu, flimkien mal-użu eċċessiv tat-teknoloġija, li faċilment twassal għal firda bejn it-tfal u l-ġenituri, jista’ jiġi evitat b’intervent f’waqtu u jgħin lit-tfal fil-kura tas-saħħa mentali u aljenazzjoni limitata.
“Kemm il-ġenituri kif ukoll l-ulied fil-familji tagħna qegħdin jiġġieldu għall-ħajja li toffri dejjem aktar bilanċ.”
Inrid Baldacchino – Terapista tal-Familja
Lino Debono, li jmexxi l-Għaqda tal-Pensjonanti tal-General Workers’ Union, spjega kif, fl-aħħar snin, huma raw titjib sostanzjali fejn jidħlu l-pensjonijiet u esprima sodisfazzjon li l-Gvern żied il-COLA addizzjonali mal-pensjoni biex anke l-anzjani jkunu jistgħu jgħixu ħajja dinjituża.
“L-għaqda tal-pensjonanti tinnota b’sodisfazzjon kif il-Gvern, fil-baġits tal-aħħar snin, beda jagħti l-ammont sħiħ tal-COLA kif ukoll żied dan l-ammont biex il-pensjonant ikun f’pożizzjoni li jlaħħaq mal-bżonnijiet tal-ħajja.”
Lino Debono – Pensjonant
Debono qal ukoll li, bħala għaqda, iltaqgħu mal-Ministru responsabbli mill-politika soċjali, Michael Falzon, fejn ipproponew li l-anzjani ta’ aktar minn 80 sena għandhom jingħataw aġġustament preferenzjali minħabba l-età. Fl-istess ħin irringrazzja lill-Ministru u lis-Segretarju Permanenti Mark Musù għall-koperazzjoni li dejjem sabu mingħandhom fl-aħħar snin.
L-interventi li saru mill-esperti u rappreżentanti tal-għaqdiet ikkumplimentaw messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela fl-istess Kabinett man-nies fejn tenna l-impenn tal-Gvern li jibqa’ jaħdem biex ma jħalli lil ħadd fis-soċjetà jaqa’ lura, xprunat mill-prinċipju tal-ġustizzja soċjali.