Antonio Gatt ta’ tnejn u ħamsin sena minn Raħal Ġdid ma nstabx ħati li sbatax-il sena ilu kien kompliċi f’każ ta’ traffikar ta’ madwar ħames kili kokaina.
Id-droga kienet ġiet importata f’Malta bil-posta f’żewġ konsenji differenti ta’ żewġ pakketti postali mill-Kanada.
It-tieni konsenja li kien fiha aktar minn żewġ kilogrammi droga kokaina kienet ġiet interċettata mill-pulizija.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qalet li kienet qed tiskarta l-istqarrija li ta l-akkużat lill-pulizija peress li din ittieħdet fl-2001, jiġifieri fi żmien meta ma kienx għadu daħal id-dritt tal-avukat waqt l-interrogazzjoni.
Qalet li l-Prosekuzzjoni ma rnexxielhiex tipprova li Gatt kien involut f’xi ftehim ma’ terzi persuni biex jittraffika u jimporta d-droga.
Il-qorti sostniet li mill-provi li tressqu kontrih ma kinux biżżejjed għal sejbien ta’ ħtija.
Saħansitra ngħad li Gatt ġie ttradut minn ħuh Lawrence Gatt li daħak bih meta talbu biex imur jiġborlu l-pakketti bid-droga.
Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti illiberat lil Gatt minn kull akkużat.
Il-qorti ordnat ukoll id-distruzzjoni tad-droga.
Għall-akkużat deher l-Avukat Joe Giglio.