Dakinhar stess li l-Partit Laburista żvela dokument intern tal-Partit Nazzjonalista, illikjat minn ċirku ristrett ta’ persuni fdati mill-Kap tal-Oppożizzjoni, l-istess Bernard Grech żvoga mal-predeċessur tiegħu Adrian Delia fil-Parlament fejn instema’ jgħidlu “Ittradewna Adrian, ittradewna!”.
Sorsi li tkellmu ma’ ONE News u li semgħu lill-Kap Nazzjonalista qalu li Delia nħasad, iżda m’offriex reazzjoni.
Il-Partit Laburista sejjaħ lill-midja ftit tal-ħin qabel id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni b’replika għall-Baġit nhar it-Tnejn 4 ta’ Novembru fejn kixef il-Pre-Budget Document tiegħu, li nżamm mistur.
Il-Pre-Budget Document tal-Oppożizzjoni baqa’ ma ħariġx din is-sena wara l-proġett fjask ta’ sentejn ilu, li ħallas għalih il-Kelliem Jerome Caruana Cilia, tant li tneħħielu l-portafoll tal-finanzi biex għadda f’idejn Graham Bencini.
Dwar ir-rapport minn Caruana Cilia, il-Maltatoday kienet għamlet analiżi tal-faqar politiku li kien fih u ddeskrivietu bħala “tgħaffiġa”.
Issa sorsi fil-Partit Nazzjonalista qalulna li, mindu d-dekasteru tal-finanzi tneħħa lil Mario De Marco, kollox mar il-baħar u Bencini, wieħed mill-awturi tad-dokument żvelat mill-Partit Laburista, baqa’ ma qabadx art.
Dan kien evidenti wkoll f’diskussjoni mal-kontro-parti tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, waqt il-programm ‘Awla’ fuq ONE, fejn ukoll spiċċa jammetti li, bit-tneħħija tat-taxxa fuq iż-żieda tal-għoli tal-ħajja, il-COLA, jispiċċa joħloq diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema f’pajjiżna.
Deputati Nazzjonalisti wkoll huma rrabjati għall-mod kif Bernard Grech irreaġixxa għall-iżvelar tal-Pre-Budget Document u saħansitra qal li ħa pjaċir li dan spiċċa f’idejn il-Partit Laburista, anke jekk noti interni jikxfuh kif id-dokument li ġejja hu “mingħajr sustanza”.
Meta partijiet minnu kienu żvelati mill-gazzetta KullĦadd f’Settembru li għadda, Bernard Grech ukoll kien ordna biex titħassar attività tal-fergħa taż-żgħażagħ tiegħu li kienet se tiddiskutih fil-pubbliku.