Is-sit awtorevoli Politico rrapporta dwar ittra li bagħat il-Prim Ministru Robert Abela lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen.
F’din l-ittra, il-Prim Ministru Malti qal li wasal iż-żmien li l-Unjoni Ewropea jkollha sistema kompjuterizzata bejn l-istati kollha li fiha jkun magħruf min huma dawk iċ-ċittadini li tlaqqmu kontra l-Covid-19.
“Li jkollok ċertifikat li ħadt il-vaċċin huwa importanti u għodda għas-saħħa pubblika ta’ kull pajjiż, speċjalment fil-moviment tan-nies bejn il-fruntieri tal-pajjiżi Ewropej”, saħaq il-Prim Ministru Dr Robert Abela.
L-ittra tal-Prim Ministru Malti, li permezz ta’ ħsibijietu ddistingwa ruħu fost il-mexxejja Ewropej billi ressaq ‘il quddiem proposti biex l-Ewropa tirkupra wara l-pandemija, ngħatat prominenza mis-sit awtorevoli Politico.
L-idea ta’ ċertifikat li ħadt il-vaċċin ħa tkun għad-diskussjoni llejla f’laqgħa virtwali tal-Kunsill Ewropew bejn il-mexxejja Ewropej.
Tal-istess fehma fuq il-ħsibijiet tal-Gvern Malti hemm il-Greċja u l-Portugall, li bħal Malta għandhom industrija b’saħħitha tat-turiżmu li ħadet daqqa kawża tal-pandemija.
Dr Abela ġie rappurtat jgħid ukoll mill-Politico li fl-ittra lil von der Leyen saħaq li din l-għodda ta’ ċertifikat tal-vaċċin għandha sservi biex tiffaċilita l-moviment tal-persuni u mhux toħloq barrieri u twaqqaf in-nies milli jiċċaqalqu minn pajjiżi għall-ieħor.
“B’dan il-mod nagħtu iżjed fiduċja fil-moviment ħieles tal-persuni”, saħaq il-Prim Ministru ta’ Malta.