Wara li l-ġimgħa l-oħra kien irrappurtat li l-Kardinal Angelo Becciu kien qed isostni li għandu jipparteċipa fil-konklavi elettiv fl-ewwel ġimgħa ta’ Mejju li se jiddetermina l-Papa l-ġdid, minkejja li kien instab ħati mill-Qorti tal-Vatikan ta’ frodi u miżapproprijazzjoni ta’ fondi tal-Vatikan, jidher li s-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan żvela ittra ffirmata minn Papa Franġisku li tiċċara bil-miktub li Becciu ma jistax jattendi l-konklavi li jmiss.
Il-gazzetta Domani qed tirrapporta li l-Kardinal Pietro Parolin wera din l-ittra lill-Kardinal Becciu l-Ħamis filgħaxija. Il-gazzetta rrappurtat kif Parolin filfatt kellu żewġ ittri ttajpjati u ffirmati “F” minn Papa Franġisku, waħda miktuba fl-2023 u l-oħra f’Marzu li għadda ftit wara li kien marad, li kienu jindikaw li Becciu ma jistax jipparteċipa fil-konklavi li se jeleġġi s-suċċessur ta’ Franġisku.
Bħala l-aktar Kardinal anzjan minn dawk eliġibbli li jivvutaw, Parolin qed jippresiedi fuq l-assemblea tal-kardinali eletturi u tali ittra ssolvi l-problema ta’ min hu legalment responsabbli sabiex jeskludi lil Becciu mill-konklavi.
Il-Kardinal Angelo Becciu, fit-22 t’April kien qal lill-ġurnal Unione Sarda li “Il-Papa kien għaraf li l-prerogattivi tiegħu bħala Kardinal kienu intatti u li ma kien hemm l-ebda testment espliċitu li kien jeskludih mill-konklavi jew talba espliċità bil-miktub sabiex nirrinunċja”. Becciu kien it-tieni l-ogħla uffiċjal fis-segretarjat tal-Istat tal-Vatikan u ċ-Chief of Staff tal-Papa, iżda f’Settembru 2020 kien imġiegħel jirriżenja d-drittijiet u l-privileġġi tiegħu bħala kardinal, għalkemm mhux is-sħubija formali tiegħu fil-kulleġġ, wara li l-prosekuraturi tal-Belt tal-Vatikan kienu ippreżentaw ir-rapport preliminari tagħhom fl-investigazzjoni ta’ allegat reati finanzjarji mill-eks dipartiment tal-kurja mmexxi minn Becciu.
Konsegwentament, f’Diċembru 2023, il-Kardinal kien ġie misjub ħati ta’ reati finanzjarji waqt ġuri li sar fil-Qorti tal-Vatikan u ingħata sentenza ta’ ħames snin u nofs ħabs, multa ta’ €8000 u kien skwalifikat perpetwalment milli jokkupa kariga pubblika.
Fost ir-reati li instab ħati għalihom kien hemm dak li ddepożita għexieren ta’ eluf ta’ ewro mill-fondi tal-knisja fil-kont personali ta’ ħuħ, xi ħaġa li hu sostna kienet prassi normali sabiex ikunu sostnuti diversi xogħlijiet ta’ karità.
F’kawża separata huwa kien ukoll akkużat li sforza r-riżenja tal-awditur ġenerali tal-Vatikan, Libero Milone, sabiex ma jkunx jista’ jsir l-awditjar intern tal-finanzi tal-Vatikan. Filfatt hu kien ammetta li kien hu li ġiegħel lil Milone jirriżenja wara li heddu li kien se jressaq proċeduri kriminali kontrih fuq spjunaġġ ta’ finanzi privati ta’ uffiċċjali għolja, inkluż tiegħu stess. Iżda f’Ottubru li għadda, Becciu tefa’ l-ħtija ta’ dan fuq Papa Franġisku fejn qal li kien ġegħlu jirriżenja fuq insistenza tal-Papa.
Il-Vatikan mill-ewwel kien niżżel lil Becciu bħala ineliġibbli biex jivvota, minkejja d-dikjarazzjonijiet ta’ Becciu li l-lista maħruġa ma kellha l-ebda valur legali.
S’issa Becciu għadu ma kkummentax pubblikament dwar l-ittra ta’ Papa Franġisku.