B’mod unanimu, iċ-Chairman u l-Bord tad-Diretturi tal-Air Malta rriaffermaw l-appoġġ u l-fiduċja tagħhom fil-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija u fil-mod li bih il-linja tal-ajru Maltija qed tilqa’ għas-sitwazzjoni prekarja fiċ-ċirkostanzi straordinarji tal-Coronavirus.
Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li attakki personali kontra uffiċjali tal-kumpanija mhumiex ittollerati.
Qalet li l-miżuri li ttieħdu sa issa kellhom l-approvazzjoni unanima tal-Bord, u huma simili għal dawk ta’ linji tal-ajru oħra fiċ-ċirkostanzi, biex tkun salvagwardjata s-sotenibbiltà tal-kumpanija waqt li qed tippjana għas-sitwazzjoni tal-avjazzjoni globali ta’ wara l-pandemija.
L-istqarrija żiedet tgħid li l-proposta li qed issir lill-impjegati kienet intiża biex tissalvagwardja l-impjieg tagħhom.