Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech reġa’ nfexx jattakka l-inizjattiva ta’ stabbiltà fil-prezzijiet ta’ aktar minn 400 prodott tal-ikel essenzjali.
Fil-każin Nazzjonalista ta’ Ħal Tarxien tenna li permezz tal-inizjattiva Stabbiltà, il-Gvern qed jiżbogħ fuq iż-żebgħa li qed titfarfar minħabba l-umdità.
“U hekk jagħmel dan il-Gvern, ikollu ż-żebgħa qed tfarfar għax qed tagħmel l-umdità u jiżbogħ fuqha.”
Mistoqsi dwar dak li qalet Roberta Metsola, li l-Ewropa għandha tinvesti aktar fix-xiri tal-armamenti, Bernard Grech qabel magħha u qal li l-armata Ewropea iktar armata sa snienha trid tikkumplimenta lin-NATO.
“U għalhekk iva dak li qalet Roberta (Metsola), inkunu kumplimentari għan-NATO.”
Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li dan kollu favur aktar armamenti ma hux kontra n-newtralità ta’ Malta skont il-Kostituzzjoni.
ĠURNALIST: “Fuq livell tal-Unjoni Ewropea se jkun hemm direzzjoni akbar lejn infiq fuq difiża fuq armamenti, ma tarax li tista’ tiżviluppa sitwazzjoni inkonġruenti man-newtralità?”
BERNARD GRECH: “Le ma narax. Le ma narax.”
Bernard Grech infexx anki jattakka lil Gvern.
Dwar l-aħħar inkwiet li qamlu fid-Dar Ċentrali fuq is-surveys, anki minħabba l-fatt li ta’ Adrian Delia jinsabu urtati u rrabjati għal dak li qal Mark Anthony Sammut, li semma kif hu ma ġabarx firem kontra Delia minħabba surveys, Bernard Grech qal li hu ma jħobbx jiftaħar.
Minn fuq qal li jrid jieħu l-mertu.
Qal, “Mela d-di-meriti noħodhom kollha jien u l-merti ma noħodhomx jien.”