Persuna mietet u mill-inqas ħamsa oħra ndarbu – xi wħud serjament – f’attak b’sikkina f’supermarket qrib il-belt Taljana ta’ Milan. Il-midja lokali rrapportat li kaxxier ta’ supermarket ta’ 30 sena miet wara li raġel beda jattakka lin-nies f’Assago.
Fost il-weġġgħu kien hemm Pablo Mari, plejer tal-futbol misluf mingħand Arsenal. Suspettat ta’ 46 sena nżamm arrestat, u l-pulizija eskludiet kwalunkwe motiv terroristiku. Hemm rapporti li jgħidu li l-attakkant kellu problemi ta’ saħħa mentali u kien qabad l-arma mill-ixkafef tas-supermarket.
Ir-raġel beda jagħti bis-sikkina lin-nies bl-addoċċ għall-ħabta tas-18:30 f’ħanut ‘Carrefour’ f’ċentru kummerċjali lokali. Allegatament instema’ għajjat ġewwa ċ-ċentru, hekk kif klijenti bdew jipprovaw jaħarbu f’paniku. Aktarx li l-attakkant inżamm minn diversi klijenti u ġie mgħoddi lill-pulizija meta waslu fuq il-post.


