Fl-Italja, min-nofs Frar, it-tilqima kontra l-Covid-19 se ssir waħda obbligatorja għal dawk li għandhom ‘il fuq minn 50 sena.
Dan hekk kif il-ħaddiema Taljani li għandhom ‘il fuq minn 50 sena jridu juru ċ-ċertifikat tal-vaċċin validu, jiġifieri bit-tilqima kontra l-Covid-19.
Dawk mhux imlaqqma se jkunu sospiżi mix-xogħol tagħhom.
Ingħad ukoll li dawk mhux imlaqqma jistgħu jmorru għax-xogħol biss jekk jippreżentaw riżultat negattiv kontra l-Covid-19 kull jumejn.
Waqt li dawk li ma jaħdmux u ma jkunux imlaqqma se jsofru minn konsegwenzi xorta waħda.
Dan tħabbar mill-Gvern Taljan wara li qbil fil-Kabinett tal-Ministri minħabba ż-żieda fil-każijiet tal-virus, kawża tal-varjant Omicron.
Matul il-ġurnata tal-Erbgħa, fl-Italja ġew irrappurtati 190,000 każ.
Din mhijiex l-ewwel miżura ta’ din ix-xorta fl-Ewropa, hekk kif fil-Greċja t-tilqima hija mandatorja għal dawk li għandhom ‘il fuq minn 60 sena u fl-Awstrija, it-tilqima hija obbligatorja għal kulħadd.