Raġel ta’ 50 sena sofra ġrieħi gravi meta ntlaqat minn karozza li allegatament ħarbet minnufih minn fuq il-post.
Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tad-20.45, fi Triq Gulju, kantuniera ma’ Triq ix-Xitwa, San Pawl il-Baħar.
Ir-raġel, li huwa ta’ nazzjonalità Ingliża ngħata l-ewwel għajnuna minn diversi persuni li nzertaw fl-inħawi qabel ittieħed b’ambulanza l-Isptar Mater Dei. Huwa ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra.
Kull mingħandu xi informazzjoni li tista’ tgħin fl-investigazzjoni huwa mħeġġeġ jgħaddiha lill-pulizija, anke b’mod kunfidenzjali, fuq in-numri 119 jew 2122 4001.