Anzjana sofriet ġrieħi gravi wara li ntlaqtet minn vettura mhix magħrufa fil-Gżira.
Dalgħodu, għall-ħabta tal-3:50 ta’ filgħodu, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Ġnien il-Kunsill tal-Ewropa, il-Gżira.
Il-Pulizija tad-Distrett marret immedjatament fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ li sar, irriżulta li mara sfat milquta minn vettura mhux magħrufa waqt li kienet qed timxi fl-imsemmija akkwati. Il-vettura li laqtet lill-vittma, għal xi raġuni, telqet minn fuq il-post tal-inċident.
Il-mara li għandha 67 sena residenti l-Gżira ngħatat l-ewwel għajnuna minn żewġ persuni li kienu fil-viċinanzi. Hija ttieħdet l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza u iktar tard ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi.
Kull min għandu xi informazzjoni li tista’ tgħin fl-investigazzjoni dwar dan l-inċident, huwa ġentilment mitlub jgħaddiha lill-Pulizija, anke b’mod kunfidenzjali, billi jirrikorri fl-eqreb Għassa tal-Pulizija jew iċempel fuq 21 224001 jew 119.