Il-bandiera Maltija stampata fuq pakkett ta’ snacks li jinsab għall-bejgħ fil-ħwienet u s-supermarkets fl-Indja – snack bl-isem ta’ Vicheez.
Meta wieħed jiftaħ il-pakkett, jitfaċċa prodott familjari għall-aħħar ma’ kull Malti u Għawdxi li għandu 54 sena jew inqas: it-Twistees.
Il-Kumpanija Strand Palace Agencies, li timmanifattura dan is-snack popolari f’Malta, għadha kif bdiet tesporta dan il-prodott lejn l-Indja.
Għall-verzjoni Indjana kellu jintuża isem differenti minħabba li diġà hemm fis-suq prodott ieħor tal-ikel b’isem simili.
S’issa, il-Vicheez ġie varat fil-kapitali Indjana, New Delhi, u fil-belt ta’ Jalandhar, fl-Istat tal-Punjab, fit-Tramuntana tal-pajjiż. Il-prodott ġie varat b’attivitajiet imlewna fiż-żewġt ibliet.
Għall-importatur Indjan tal-Vicheez, Sahil Tandon, dan mhux l-ewwel prodott Malti li qed jikkummerċja f’pajjiżu u l-ħsieb tiegħu hu li jibqa’ jżid mal-lista ta’ prodotti Maltin li jintroduċi fis-suq Indjan.
“Last year we launched the world-famous Cisk non-alcoholic beer in the Indian market and it’s doing very good. This year, on the occasion of Mothers’ Day, we are launching Twistees, which is very famous in Malta, and it will be called Vicheez in India. I hope it will go very well and I hope to have a few more products from Malta.”
Il-Kummissarju Għoli Malti għall-Indja, Reuben Gauci, esprima s-sodisfazzjon tiegħu meta jara prodotti Maltin jinbiegħu f’suq tant vast bħalma hu dak tal-Indja.
“Ovvjament, meta jkollok pajjiż ta’ dan il-kobor, biex tibda tbigħ f’dan il-pajjiż trid ħafna xogħol, trid ħafna riklamar, u għalhekk huwa ta’ pjaċir tiegħi li l-Kummissjoni Għolja li mmexxi jiena qiegħda tagħti l-għajnuna tagħha lil dan il-prodott, biex jiġi kemm jista’ jkun mixtri hawnhekk.”
Il-kumpanija Strand Palace Agencies iddeċidiet li tidħol fis-suq Indjan wara li għamlet tliet snin tagħmel riċerka dwar is-suq. Huma diġà jesportaw il-prodotti tagħhom lejn pajjiżi Ewropej oħra, lejn pajjiżi fil-Lvant Nofsani u lejn il-Korea t’Isfel.
Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija, John Calleja, qal li hekk kif qed ikomplu jespandu l-operat tagħhom bl-esportazzjoni, il-ħsieb tagħhom hu li jibqgħu jkabbru. Dan se jiftaħ ukoll il-possibbiltà li jinħolqu impjiegi ġodda mat-80 post tax-xogħol li l-kumpanija diġà toffri.
“Based on future projections, we are going to be implementing new shifts. We’re also expanding the factory and installing new machinery. This will help grow the company more for the future. .. We’ll be, obviously, employing new people to come and join our team and grow altogether at the same time. Hopefully, my projection is to introduce even more shifts from there and, one day or another, open another factory somewhere else.”
Il-kumpanija Strand Palace Agencies hija biss waħda minn diversi kumpaniji bbażati f’Malta li rnexxielhom jippenetraw swieq barranin bil-prodotti tagħhom.
Biex tiffaċilita u tissapportja dan il-proċess hemm it-Trade Malta, entità bejn il-Gvern u l-Kamra tal-Kummerċ, l-Imprenditorija, u l-Industrija.
Ma’ One News, huwa tkellem dwar l-importanza li s-settur tal-manifattura tal-ikel u x-xorb huwa importanti ħafna għal pajjiżna, tant li hawn ’il fuq minn 600 intrapriża rreġistrata f’dan il-qasam. Dawn bejniethom jimpjegaw mal-4,000 ruħ u jipproduċu 14 fil-mija tal-valur miżjud fis-settur tal-manifattura.
“F’dan il-każ għandek intrapriża li, bis-saħħa ta’ din l-għajnuna li aħna nkunu tajna, f’dak il-mument partikolari ltaqgħu ma’ distributur internazzjonali li xtaq isir jaf iktar dwar il-prodott u, wara numru ta’ taħditiet – ovvjament dawn ħafna drabi jieħdu x-xhur, jekk mhux is-snin – wasalna biex din il-kumpanija, Strand Palace, Ii f’Malta hija popolari ħafna għax tipproduċi t-Twistees, illum qed jinbiegħ taħt isem ieħor, imma fl-Indja. Dan huwa punt importanti, li aħna nkomplu ngħinu lill-industrija tal-ikel u tax-xorb f’Malta biex, ovvjament, inġibu aktar xogħol lejn pajjiżna.”