F’għeluq il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela, għadda messaġġ dwar kif il-pajjiż irid jimxi għal-livell li jmiss, b’viżjoni li fil-qofol tagħha jkollha t-titjib ekonomiku u soċjali.
Dr Abela spjega kif dawn iż-żewġ elementi huma l-pedament li huwa kruċjali biex pajjiż jimxi ’l quddiem.
Qal, “L-ekonomija u s-soċjal illi joffru l-kwalità ta’ ħajja aħjar. Pajjiż ma jistax jikber u jimxi ’l quddiem jekk ma jkollux dawn it-tnejn b’saħħithom. L-ekonomija u s-soċjal u ma jistax jikseb waħda mingħajr l-oħra għaliex waħda ssotni lill-oħra.”
Il-Prim Ministru jemmen li biex pajjiż jikseb is-suċċess ekonomiku, irid jimplimenta ekonomija mżewqa b’diversi setturi.
Imsejjes fuq dan il-prinċipju, Dr Abela spjega kif kull meta l-pajjiż jagħmel pass ’il quddiem, in-nies jistennew il-pass li jmiss biex jintlaħqu l-ħolm u l-aspirazzjonijiet.
Bħalissa l-pass li jmiss għal pajjiżna jdur mat-titjib tal-kwalità tal-ħajja, b’opportunitajiet aħjar għal kulħadd. Dan qed ikun implimentat f’kull settur.
Qal, “Hekk għamilna fl-aħħar jiem meta nedejna l-publikazzjoni tal-istrateġija ġdida għas-servizzi finanzjarji. Strateġija li ħdimnieha flimkien mas-settur innifsu u li huwa settur li tant nemmnu fih u li rridu narawh jibqa’ jikber u se nibqgħu nappoġġjawh biex jikber.”
Il-Prim Ministru semma wkoll is-settur turistiku.
Qal, “Ir-riżultati fis-settur turistiku għal Frar kienu l-aqwa. Fejn mhux biss ġew aktar turisti iżda dawk li ġew nefqu aktar minn dawk li kieni jiġu qabel.”
Meta tkellem dwar il-qasam tal-kostruzzjoni, il-pass li jmiss, saħaq li huwa fiż-żieda fis-serjetà li dan is-settur jaħdem biha.
Qal, “Il-konsultazzjoni dwar il-liċenzjar tal-kuntratturi hija xi ħaġa li sa tkun qed issir għall-ewwel darba biex indaħħlu obbligi u regolamentazzjoni li ma kinitx teżisti ħalli s-settur u dawk li huma serji jinfirdu minn dawk li mhumiex u l-pajjiż jaċċetta biss il-ħidma ta’ min hu serju f’dan ix-xogħol u f’dan is-settur importanti għall-ekonomija tagħna.”
Hawnhekk, Dr Abela stqarr li jinsab sodisfatt hekk kif il-Partit Laburista kien proattiv għaliex iddiskuta din ir-regolamentazzjoni biex iressaq ’il quddiem ideat li jmorru lil hinn mil-livell ta’ Gvern.
Il-Mexxej Laburista kkummenta wkoll dwar żewġ oqsma oħra li l-pass li jmiss għalihom jirrikjedi deċiżjonijiet kuraġġjużi.
Qal, “Fuq l-ambjent u l-infrastruttura. It-toroq isbaħ u toroq aħjar. Il-proġeġtti tal-ispazji miftuħa. Ir-rivoluzzjoni fl-imaniġġjar tal-iskart u l-ipproċessar tiegħu. Il-proġetti għal arja aktar nadifa kollha passi kbar ‘l quddiem. Imma imbagħad ukoll hemm fejn huwa meħtieġ aktar kuraġġ minn dak li urejna diġà u fejn irridu jkolli ngħid nimbuttaw iżjed.”
Dwar il-kritika li tali deċiżjonijiet jistgħu jġibu magħhom, il-Prim Ministru għadda messaġġ.
Qal, “Huwa naturali li xejn mhu se jiġi mingħajr kritika jew mingħajr diskussjoni imma tibżgħux mill-kritika ibżgħu jekk nieqfu nieħdu d-deċiżjonijiet biex ma nibqgħux niġu kkritikati. Minn hemm irridu nibżgħu.”