Fi tweġibiet lill-ġurnalisti li ta l-Prim Ministru Robert Abela wara li ħabbar is-sittax-il proġett ta’ spazji ħodor fil-komunitajiet tagħna, huwa kien ċar dwar is-sigurtà fit-toroq.
Filwaqt li rrefera kif il-liġijiet eżistenti jagħtu s-setgħa lill-ġudikanti biex saħansitra jimponu pieni ta’ ħabs għal min jikkawża fost oħrajn imwiet f’inċidenti serji tat-traffiku, il-Prim Ministru fakkar kif fl-aħħar jiem daħlu fis-seħħ pieni aktar ħorox dwar ksur ta’ regoli tat-traffiku fosthom l-użu tal-mobile mis-sewwieqa waqt li jkunu qed isuqu vettura.
Dr Abela nnota wkoll kif fl-ewwel erba’ xhur kellna mas-sitt elef taħrika marbuta mal-użu ta’ mobile waqt is-sewqan u spjega kif il-Gvern qed jikkunsidra b’serjetà, b’konsultazzjoni sħiħa mal-istakeholders involuti, l-introduzzjoni ta’ breathalyser li jeżamina sewwieq hux pożittiv ukoll għad-droga, apparti dak li jsir diġà għall-alkoħol.
Il-Prim Ministru appella għas-sensittività b’rabta ma’ każ riċenti ta’ fatalità fit-toroq li hemm inkjesta maġisterjali dwaru u appella anki għar-responsabbiltà tas-sewwieqa fit-toroq.
“Aħna żidna sostanzjalment il-pieni fejn jidħlu kontravenzjonijiet tat-traffiku għal dawk li huma multi imma għal dawk li huma wkoll punti. Jiġifieri kien żewġ forom ta’ żidiet. Però nappella mbagħad ukoll għar-responsabbiltà ta’ min isuq. Dover tal-Gvern huwa fejn hemm bżonn jittempera l-pieni, jemenda l-pieni, kif għamilna diġà. Fejn tidħol il-ġudikatura, l-appell tiegħi filwaqt li nħalli naturalment fid-diskrezzjoni sħiħa u dik hija diskrezzjoni assoluta tal-ġudikanti ta’ liema pieni japplikaw. Jifhmu wkoll xi skumdità qegħdin joħolqu fis-soċjetà ċertu tipi ta’ inċidenti tat-traffiku. Jiġifieri hemmhekk huwa kruċjali li l-Maġistrati u l-Imħallfin tagħna jagħtu pieni li jkunu jirriflettu wkoll dan is-sentiment ta’ ħtieġa ta’ aktar żamma ta’ sigurtà fit-toroq tagħna.”
Dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet, il-Prim Ministru nnota l-logħob partiġġjan tal-Kap tal-Oppożizzjoni fuq proċess serjissimu ta’ inkjesta maġisterjali, biex l-irrelevanza politika li daħal fiha jipprova joħroġ minnha.
Dr Abela nnota l-ispin tal-Oppożizzjoni fuq ir-rapport tal-Awditur Ġenerali, li jikkonferma kif din l-amministrazzjoni mxiet b’mod konsistenti fil-konfront ta’ Steward Healthcare, fosthom biex din il-kumpanija tonora l-obbligi kuntrattwali.
“Ħadna pożizzjoni soda ħafna, ċara ħafna u hemmhekk qed niddefendu l-interess nazzjonali u għalhekk li jkollok spin min-naħa tal-Oppożizzjoni li tgħid ma għamilna xejn meta mmedjetament jew ftit tal-jiem wara li ngħatat is-sentenza kellek Steward li għamlu avviż ta’ terminazzjoni, bil-kundizzjonijiet tagħhom u m’aċċettajnihx u għamilna, ħadna d-deċiżjoni tagħna (kif taf), l-isptarijiet ġew lura f’idejna bil-kundizzjonijiet li mponinejna aħna. Ħadna l-pożizzjoni li ħadna quddiem il-Qrati tagħna kif ukoll fl-Arbitraġġ Internazzjonali.”
Mistoqsi minn ONE News dwar il-ħtieġa ta’ konsultazzjoni fuq temi differenti fosthom fejn il-Kunsilli Lokali ressqu l-proġetti ambjentali tagħhom, il-Prim Ministru nnota kif il-Gvern dejjem ħadem differenti mill-Oppożizzjoni u kkonsulta man-nies imbagħad ħa d-deċiżjonijiet li bihom qed ikompli jġib bidliet li jagħmlu differenza tanġibbli f’ħajjet in-nies.
“Lanqas konsultazzjoni fil-Parlament, ma tipparteċipa l-Oppożizzjoni, għax inkunu qed niddiskutu bħall-vjolenza domestika, suġġett sensittiv, mela tajjeb titkellem fuq sigurtà fit-toroq, huwa importanti l-Oppożizzjoni, imma meta nitkellmu fuq sigurtà meta jingħalqu l-bibien tad-dar, l-Oppożizzjoni qabdet u telqet ’il barra.”