Enemalta plc lestiet it-tħejjijiet kollha meħtieġa biex matul is-sajf li ġej tibda żżarma ċ-ċumnija tal-power station Delimara 1 tal-heavy fuel oil f’Marsaxlokk.
Din iċ-ċumnija ta’ 150 metru, l-itwal struttura fil-gżejjer Maltin, ser titwaqqa’ permezz ta’ apparat li qed jinġieb Malta apposta, sabiex jiġu mħarsa l-impjanti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku l-oħra li hemm qrib tagħha. Il-kuntratturi Taljani speċjalizzati fit-twaqqigħ ta’ dawn it-tip ta’ strutturi ntgħażlu f’Diċembru li għadda wara sejħa għall-offerti internazzjonali.
Fil-bidu tal-2017 Enemalta bdiet tirċievi l-elettriku ġġenerat mill-gass naturali permezz tal-impjant il-ġdid Delimara 4 u l-magni tal-impjant Delimara 3 li ġew mibnija mill-ġdid sabiex jaħdmu bil-gass minflok bil-heavy fuel oil. Minnufih bdiet il-ħidma sabiex l-eqdem power station ta’ Delimara, li bdiet topera fl-1992, tintefa u tiżżarma. Fil-fatt, dan l-impjant intefa fl-24 t’April li għadda, l-aħħar ġurnata li Malta użat il-heavy fuel oil sabiex tiġġenera l-elettriku.
Fl-istess waqt, inġinera u periti ta’ Enemalta kienu qed jaħdmu mal-kuntratturi magħżula, u mal-awtoritajiet konċernati sabiex ilestu l-pjanijiet dettaljati dwar iż-żarmar tal-impjant Delimara 1. Dan jinkludi żewġ boilers li jissaħħnu bil-heavy fuel oil (HFO), żewġ turbini tal-fwar ta’ 60 MW-il waħda, flimkien maċ-ċumnija t-twila u għadd ta’ apparat ieħor.
Iċ-ċumnija tikkonsisti fi struttura tonda tal-konkos għolja aktar minn 50 sular, b’diametru ta’ 12-il metru. Il-ħitan tal-konkos għandhom ħxuna ta’ aktar minn żewġ metri fil-qiegħ, li jonqsu għal 60 ċentimetru fil-quċċata. F’din l-istruttura hemm żewġ pajpijiet tal-ħadid b’wisa’ ta’ 2.3 metri li minnhom kien jgħaddi d-duħħan ġej mill-ħarqa taż-żejt fil-boilers.
It-twaqqigħ taċ-ċumnija ser isir billi l-ewwel jiżżarmaw il-pajpijiet u l-ħadid kollu li hemm ġewwa fiha. Meta jitlesta dan ix-xogħol, madwar iċ-ċumnija jintramaw ħames pilastri tal-ħadid l-istess għoli tagħha. Magħhom ser tintrabat pjattaforma kbira li ddur maċ-ċumnija. Minn fuq din il-pjattaforma l-kuntratturi ser jużaw remote-controlled demolition robots apposta sabiex b’mod sikur jibdew ikissru l-ħitan tal-konkos. Il-pjattaforma titniżżel l-isfel f’intervalli ta’ metru u nofs biex ikomplu jitkissru l-ħitan biċċa biċċa. B’kollox il-pjattaforma ser tiċċaqlaq l-isfel permezz ta’ muturi apposta mat-80 darba, sakemm tinżel għal 35 metru ‘l fuq mill-art. F’dan l-istadju, iċ-ċumnija tkompli titkisser permezz ta’ high reach demolition excavators minn mal-art.
Il-proċess taż-żarmar ta’ dan l-istazzjon qed isir b’konsultazzjoni mal-awtoritajiet konċernati tal-ambjent u tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Il-materjali kollha, fosthom metalli u skart tal-bini, ser jinħarġu mis-sit u jiġu pproċessati b’mod sostenibbli. Fejn ikun possibbli dawn il-materjali jiġu riċiklati.
Inġ. Fredrick Azzopardi, Executive Chairman ta’ Enemalta plc, spjega kif issa li t-twaqqigħ tal-Marsa Power Station wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu, l-attenzjoni tal-Kumpanija ser iddur fuq iż-żarmar ta’ Delimara 1, l-aħħar impjant tal-heavy fuel oil li għad baqa’ f’Malta.
“Il-priorità tagħna f’dan il-proġett hi li nneħħu dan l-impjant b’attenzjoni sħiħa sabiex niżguraw is-saħħa u s-sigurtà tar-residenti fl-inħawi u tal-ħaddiema tagħna u tal-imsieħba tagħna fid-Delimara Power Station. It-twaqqigħ tal-impjant u ċ-ċumnija tal-impjant Delimara 1 huwa l-aħħar kapitlu fl-istorja tal-heavy fuel oil f’pajjiżna, hekk kif issa l-ħtiġijiet tal-enerġija elettrika f’Malta qed jinqdew kollha minn sorsi aktar effiċċjenti u li jipproduċu ħafna inqas tniġġis fl-ambjent madwarna.”