L-Awtorità tal-Ippjanar kkonfermat li bdiet tneħħi mad-900 kartellun u tabelli li twaħħlu illegalment matul il-lejl li għadda f’għadd ta’ postijiet pubbliċi madwar Malta.
L-Awtorità qalet li t-twaħħil ta’ dawn il-kartelluni sar b’mod abbużiv. Qalet li ma nkiseb l-ebda permess la mill-awtoritajiet pubbliċi u lanqas minn sid l-art.
Saħqet li dawn il-kartelluni huma ta’ periklu għas-sewwieqa minħabba l-post fejn twaħħlu u n-numru tagħhom. Dan minħabba l-fatt li jistgħu jtellfu mill-konċentrazzjoni tas-sewwieqa.
L-Awtorità żiedet tgħid li r-regolamenti dwar il-billboards u r-reklamar jipprojbixxu t-twaħħil ta’ dawn il-kartelluni u l-awtorità għandha s-setgħa li tidħol fl-art u tneħħihom.
Qalet li ħadet bosta azzjonijiet biex tneħħi dawn il-kartelluni li twaħħlu b’mod abbużiv ma’ siġar, arbli tad-dawl, ħitan u li saħansitra twaħħlu bil-kolla mal-armar tal-festi.