F’laqgħa bejn il-Prim Ministru l-ġdid Libjan Abdul Hamid Dbeibah u l-President Tork Recep Tayyip Erdogan ġie affermat l-impenn bejn iż-żewġ pajjiżi għal ftehim marittimu kontroversjali tal-2019 li rrabja lill-Greċja u Ċipru.
Din kienet l-ewwel żjara tal-Prim Ministru Libjan, fejn matul il-laqgħa bilaterali mal-President Tork, Erdogan wiegħed li jagħti l-appoġġ tiegħu għall-għaqda fil-Libja, ir-rikostruzzjoni u l-militar tagħha.
Erdogan qal ukoll li t-Turkija se tkun qed tibgħat mal-150,000 doża tal-vaċċin kontra l-COVID-19, filwaqt li se tkun qed tmexxi sptar pandemiku fi Tripli biex tgħin lill-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq jiġġieldu l-imxija.